Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Statwarji

Qegħdin nippreżentaw, f'ordni kronoloġika, tagħrif ġenerali fuq l-istatwarji kollha li sebbħu l-knejjes tagħna b'tant opri tal-arti konnessi mal-Ġimgħa l-Kbira u li għadna nistgħu ngawdu xogħolhom kull sena fil-Purċissjonijiet tagħna. 

Statwarji tas-Seklu Sbatax u Tmintax

Melchiore Gafa' (1635-1667)

Melchiore Gafa' huwa meqjus bhala l-akbar statwarju Malti. Imwieled il-Birgu c1635, huwa qatta tfulitu jistudja Ruma taht il-kustodja ta' Ercole Ferrata u ma damx ma ddistingwa ruhu bhala student brillanti. Hadem fuq hafna xoghol ikkummissjonat lill-Bottega ta' Ferrata u eventwalment beda jaccetta xoghol privat ukoll. Interessanti wiehed jghid li minkejja li Ferrata, jigifieri l-imghallem tieghu, kien mitfugh fuq stil klassiku, Gafa' kien aktar influwenzat mill-arti Barokka tal-famuzi skulturi ta' zmienu, Gian Lorenzo Bernini u Alessandro Algardi.


It-talent ta' dan l-iskultur zaghzugh flimkien mal-konnessjoni li kellu f'cirki importanti f'Ruma ghenu biex jinghata hafna xoghol importanti. Gibed is-simpatija' u l-istima ta' Fabio Ghigi, inkwizitur ta' Malta (1634-39) li mbaghad lahaq il-Papa Alessandru VII. Kien bis-sahha ta' dan il-Papa li gie kkumissjonat l-ewwel xoghol f'Ruma lil Gafa' u dan kien l-altar tal-knisja Santa Maria in Campitelli (1659). Huwa hadem f'diversi knejjes ohra f'Ruma u fl-1662 kien elett fl-aktar cirku tal-arti prestigjuz f'din il-Belt Eterna - L-Akkademja ta' San Luqa. Sahansitra hames snin wara l-istess akkademja innominatu Principal izda Gafa' b' umilta' irrifjuta din in-nomina.


Lura f'Malta, Gafa' hadem fl-injam il-vara titulari ta' San Pawl tal-Belt (1659 -ritratt lemin), u l-Madonna tar-Ruzarju ghad-Dumnikani tar-Rabat ukoll fl-injam. L-Ordni ta' San Gwann ikkummisjonawlu il-grupp statwarju tal-maghmudija ta' Kristu ghall-knisja Konventwali ta' San Gwann. Imma bla dubju, il-kapulavur ta' Gafa' hija l-istatwa ta' Santa Rosa ta' Lima li hu hadem ghad-Dumnikani fil-Peru (ritratt isfel).  

Ma nistghux nghidu li Gafa' hadem hafna xoghol relatat mal-Gimgha l-Kbira ghalkemm maz-zmien kien hemm numru ta' statwi li gew attribwiti lilu forsi aktar ghax kien skultur ta' fama milli ghal haga ohra. Li ghandna tieghu huma l-idejn, is-saqajn u l-wicc ta' Gesu fl-Ort tal-Birgu. Hemm imbaghad l-Irxoxt tal-Belt li jinsab fil-Knisja tal-Gizwiti. Attribwit lilu huwa l-Irxoxt ta' Hal Qormi minhabba x-xebh li ghandu ma dak tal-Belt, madankollu dan tal-ahhar huwa xoghol fil-kartapesta u m'ghandniex hjiel li Gafa' qatt hadem f'din il-midja. Interessanti nghidu wkoll li fil-Muzew tal-Arti l-Belt hemm buzzett ta' Gafa li jixbah hafna lir-Redentur tal-Isla li l-awtur taghha mhux maghruf.


Gafa' miet qasir il-ghomor fl-1667 meta waqt xogholu, waqghet fuqu bicca tafal kbira. Biex nikkonkludu fuq dan il-genju tal-arti nikkwotaw kliem Bernini li qal " un maltese..... mi avrebbe passato nel mestiere."

 Saverio Laferla (c1710-1761)

Saverio Laferla jinghad li kien barbier qabel ma thajjar jitghallem l-arti tal-iskultura. Huwa tghallem is-sengha tal-kartapesta minghand xi mghallem Sqalli u huwa kkunsidrat bhala l-ewwel statwarju Malti li uza din il-midja f'pajjizna.


Jidher li l-arti ta' Laferla ntoghgbot sewwa ghaliex kienu diversi l-Parrocci li kkummisjonaw xoghol lilu. Laferla hadem l-ewwel vari tieghu ghall-Fratellanza tal-Kurcifiss tal-Belt li taghha kien ukoll fratell. Dawn kienu l-Ort, ir-Redentur, il-Veronika, il-Vara l-Kbira u d-Duluri li nqiesu li nhaddmu bejn l-1730 u l-1741.


Wara tal-Belt, Laferla gie kkummissjonat jahdem xi vari ghal Haz-Zebbug. L-istoriku Zebbugi Dun Salv Ciappara fil-ktieb tieghu Storia del Zebbug e sua Parrochia jghidilna li fl-1742, mastro Saverio Laferla hadem l-istatwi tad-Duluri (li ghadha tintuza sal-lum), tal-Veronika, ta' San Gwann l-Evangelista u ta' San Vincenz de Paule.


Kien imiss il-Parrocca tan-Naxxar li tgawdi mill-opri ta' dan l-istatwarju. Fl-1751 hadem ghal dan il-lokal, l-istatwa ta' Kristu Rxoxt. Sentejn wara jigifieri fl-1753, Laferla thallas 70 skud ghall-vari tal-Ort u l-Marbut. Ghalkemm m'hemm xejn dokumentat, nissoponu li dan l-istatwarju hadem aktar vari ghal din il-Parrocca fosthom il-Vara l-Kbira li ghadha tohrog fil-purcissjoni tal-Gimgha l-Kbira sal-lum u li hafna jattribwuha lilu.


Saverio Laferla ghadda ghall-hajja ta' dejjem fid-19 ta' Jannar tal-1761. 

Antonio Mifsud 'In-Najci' (1760-1830)

Antonio Mifsud maghruf bhala 'In-Najci' twieled il-Mosta fl-1760 izda hadem ghal hafna zmien fil-Belt Valletta. Dan l-istatwarju kien imfittex hafna fi zmienu ghax-xoghol fil-kartapesta. Kien ghadu zmien bikri ghall-uzu ta' din il-midja u Mifsud kompla fejn halla Saverio Laferla.


L-istoriku P.P. Castagna jirreferi ghall-Mifsud bhala 'modellatur u dilettant tal-kartapesta' u jghid li bejn l-1824 u l-1826 hadem xi vari ghal Haz-Zebbug u ghamel diversi mudelli ta' statwi ohra fosthom ta' Zammitellu (1823) u Hastings (1827). Ghal-Haz-Zebbug hadem l-istatwi tal-Marbut u tal-Ecce Homo li ghadhom jintuzaw illum ghalkemm biz-zieda ta' aktar figuri maghhom li nhaddmu aktar tard. Tan-Najci ukoll hija l-Vara l-Kbira tal-istess Parrocca li hija kkunsidrata fost il-kapulavuri ta' dan l-istatwarju.


Fl-istess zminijiet, Mifsud gie kkumissjonat mill-Arcikonfraterita' ta San Guzepp tar-Rabat biex jahdem xi vari. Dawn kienu L-Ort (1825) li ghadu jintuza sal-lum u l-Ecce Homo (1824) li nbidel fl-1984.


Huwa probabbli li Mifsud hadem aktar vari ghal lokalitajiet ohra imma d-dokumenti dwarhom intilfu mal-milja taz-zmien. In-Najci miet fl-1830.

Statwarji tas-Seklu Dsatax

Alessandro Farrugia (1791-1871)

Il-Lunzjata ta’ Hat-Tarxien

Il-Lunzjata ta’ Hat-Tarxien

Alessandro jew kif nafuh aħjar Mastru Xandru Farrugia twieled fil-limiti taż-Zejtun fit-2 ta’ Frar 1791 minn Gużepp u Duminka nee Abela. Flimkien mal-istatwarji l-ohra ta’ zmienu Pietru Paolo Azzopardi u Salvatore Psaila, Xandru kien student tal-istatwarju famuz Malti Marjanu Gerada li skond l-istoriku P P Castagna kien statwarju ghar-re ta’ Spanja.


(Parenetesi zghira fuq Mariano Gerada (1770-1823). Gerada kien statwarju kbir li hadem hafna xoghol ghall-knejjes taghna. L-Opri li hadem jinkludu l-Vari titulari ta’ Santa Katerina ghaz-Zurrieq, Santa Marija ghal Hal Ghaxaq u l-Madonna tal-Grazzja ghal Haz-Zabbar. B'Rabta mal-Gimgha l-Kbira ghamel id-disinn u l-gastri tal-Monument tal-Isla kif ukoll skolpa l-erba' angli tal-kantunieri. Gerada kien protagonista ghax permezz tal-esperjenza li gab mieghu minn Spanja, harrgu minn taht idejh it-tliet statwarji kbar li semmejna aktar il-fuq.)


Xandru huwa kkunsidrat bhala l-aktar artist prolifiku tas-seklu dsatax. Hadem f’diversi midja inlkuz fil-gebla Maltija, fl-injam u fil-kartapesta. Skond Castagna, wahda mill-ewwel xoghlijiet tieghu kienet il-Vara tal-Madonna tar-Ruzarju ghall-knisja Parrokjali ta’ Hal Ghaxaq. Fost xoghlijiet ohra marjani tieghu hemm il-Lunzjata ta’ Hat-Tarxien (ritratt) u Marija Assunta tal-Imqabba.


Ghall-Purcissjonijiet tal-Gimgha l-Kbira, Xandru hadem xi vari ghaz-Zejtun fosthom il-Vara tal-Marbut (fl-injam 1839) u l-anglu fil-vara tal-Ort li ghadna ngawduhom sal-lum. Nafu wkoll li hadem Ecce Homo ghan-Naxxar fl-1838. Imxerrdin fil-knejjes ta’ Malta ghadna nsibu diversi statwi ohra devozzjonali li huma xoghol ta’ dan l-istatwarju.Fil-Gzira Ghawdxija, ghall-Parrocca ta’ San Gorg fil-belt Vittorja, Xandru hadem il-korp ta’ Kristu mejjet ghall-Monument (1844).


Xandru Farrugia miet fl-4 ta’ Dicembru 1871 fl-eta ta' 80 sena fir-residenza tieghu goz-Zejtun.

Salvatore Psaila (1789 - 1871)

Salvatore Psaila twieled f’Bormla fl-20 ta’ Jannar 1789. Minn eta’ zghira dejjem wera x-xehta lejn l-arti ta’ l-iskultura. Bhal Xandru Farrugia u Pietro Paolo Azzopardi, gie fdat f’idejn l-iskultur bravu Mariano Gerada li kellu l-hanut tax-xoghol gewwa Bormla.


Fost ix-xoghol li ghamlu isem lil Psaila ma nistghux inhallu barra il-Vara titulari ta’ Sant’Elena (ritratt) ta’ Birkirkara li hi meqjusa bhalha opra artistika. Insemmu wkoll il-Vara tal-Madonna tal-Karmnu li skolpixxa fl-injam ghall-Fratellanza tal-Madonna tal-Karmnu taz-Zurrieq fl-1842.


Ghal Gimgha l-Kbira,Psaila hadem zewg vari biss, il-Marbut u l-Ecce Homo ghall-Birgu fl-1831 li bihom ukoll wera l-hila tieghu. Fl-1833 hadem ghall-istess Parrocca, il-Vara ta’ Kristu Rxoxt kunsidrata bhalha wahda mill-isbah fil-gzejjer Maltin.


Salvatore Psaila halla dan il-wied ta’ dmugh fl-1871.

Ritratt - Richard Faenza

Ritratt - Richard Faenza

Pietro Paolo Azzopardi (1791-1875)

Pietro Paolo Azzopardi twieled il-Belt Valletta fl-1791, fl-istess sena li twieled l-istatwarju kontemporanju tieghu Xandru Farrugia. Fi tfulitu familtu marret toqghod Bormla u Pietro Paolo gie fdat f’idejn l-imghallem statwarju Marjanu Gerada li minghandu tghallem is-sengha.


Skond l-istoriku P P Castagna, Azzopardi beda l-karriera tieghu billi skultura ghadd ta’ puleni ghal fuq l-igfna. Lejn il-bidu tas-seklu dsatax imbaghad, ittanta jahdem xi xoghol fil-gebla Maltija. F’din il-midja, hadem Redentur ghal Hal Ghaxaq (1808) meta kellu biss sbatax il-sena u Santa Katerina ghaz-Zurrieq fl-1816.


Madankollu, jidher car li Azzopardi kien jippreferi jiskultura fl-injam.Kien zmien meta d-domanda ghall-istatwi fl-injam kienet kbira hafna u Pietro Paolo gawda minn din is-sitwazzjoni. Gie kkumissjonat biex jahdem il-Madonna tar-Ruzarju ghal Bormla fl-1828 (ritratt) u dan ix-xoghol ghen biex kabbar l-isem tieghu.


Dan l-istatwarju huwa maghruf ghal hafna xoghlijiet ta’ vari tal-Passjoni. Ghall-Frangiskani Minuri tal-Belt maghrufa ahjar bhala ta’ Giesu, hadem il-vara tal-Marbut (c1831) meqjusa opra tal-arti u hemm minn jattribwixxi lilu anki l-Ecce Homo. Ghal Bormla hadem il-Marbut u l-Ecce Homo (bejn l-1838-1841) u r-Redentur (1855-8).


Azzopardi irnexxielu jigbed l-ammirazzjoni tal-Ghawdxin b’numru ta’ xoghlijiet li ghamel bejn l-1830 – 1850. Ghall-Bazilika ta’ San Gorg, hadem il-Vara titulari ta San Gorg martri fl-1839 kif ukoll il-kurcifiss tal-vara l-Kbira (1848) u ghax-Xewkija, il-vara titulari ta’ San Gwann il-Battista fl-1845.


Xoghlijiet ohra ta’ Azzopardi jinkludu il-Vara tal-Bambina ghall-Mellieha (1853), Sta Agata ghal Bormla (1846) u San Mikiel Arkanglu ghal Hal Qormi (1865). Skond P P Castagna, Il-hila artistika ta’ Pietro Paolo Azzopardi sa giet rikonoxxuta mir-Re Ferdinandu II ta’ Napli li appuntah skultur tieghu.


Pietro Paolo miet fl-24 t’Ottubru 1875 fl-eta’ ta’ 84 sena’ . 

Giuseppe Vella (1802-1866)

Giuseppe Vella twieled il-Belt Valletta fl-1802 u kien maghruf bhala 'Mastru Pepp'. Ghex fi zmien fejn il-Fratellanzi kienu fl-aqwa taghhom u d-domanda ghall-vari tal-passjoni kienet kbira.


Minn zghozitu, Peppi Vella kiseb fama kbira ghax-xoghol fil-kartapesta tant li ta' dsatax-il sena kien diga' beda jahdem fuq is-sett ta' vari tal-passjoni ta' Hal Ghaxaq. Fl-1830 imbaghad hadem is-sett ta' Hal Luqa.


Skont l-istoriku P P Castagna, Vella hadem ukoll il-vara ta' San Duminku tal-Birgu (1849), Santa Katerina ukoll ghall-Birgu (1850) u tal-Beatu Franku ghal tal-Karmnu fil-Belt. L-unika vara titulari li nafu li hadem Vella hija l-Vizitazzjoni ghall-Gharb f'Ghawdex (1853 - Ritratt lemin).


Giuseppe Vella miet fl-1866.

Salvatore Dimech (1805-1887)

Salvatore twieled il-Mosta fl-1805 u tħarreġ fl-arti tal-iskultura fil-ġebel u fl-injam taħt il-maestro Sigismondo Dimech.


Ħadem numru ta' vari titulari fl-injam fosthom dik ta' Santa Marija tal-Mosta (li imbagħad ġiet immodifikata minn Ċensu Apap fis-seklu għoxrin) u Marija Annunzjata ta' Ħal Balzan. (ritratti xellug).


Kien ukoll magħruf għax-xogħol fil-ġebla Maltija u skultura numru ta' statwi li jinsabu mxerrda fit-toroq Maltin. Flimkien ma' l-imgħallem tiegħu Sigismondo sawwar l-istatwa kbira tal-ġebel ta' missierna San Pawl li tqegħdet fil-gżejjer li jġiebu l-isem ta' dan il-qaddis.


B'Rabta mal-Ġimgħa l-Kbira, Dimech ħadem statwa tad-duluri għall-Parroċċa tal-Mosta li kienet inbiddlet ma' waħda impurtata minn Franza, u l-Vara l-Kbira tal-Belt (1854) li hija l-unika vara tiegħu li għadha toħroġ proċessjonalment.


Salvatore miet fis-26 ta' Ottubru 1886. 

Giovanni Darmanin (1817-1887)

Giovanni Darmanin twieled il-Belt Valletta fit-13 ta' April 1817 iżda l-familja tiegħu ġarret lejn l-Isla meta kien għadu ta' eta' żgħira.


L-Arti kienet magħġuna mal-ħajja ta' Giovanni li ħadem għal ħafna snin fil-kumpanija tal-familja li kienet famuża għad-disinji u xogħolijiet fl-irħam. Giovanni ħadem numru ta' vari għall-knejjes, ewlenija fosthom dik tal-Madonna tal-Ġilju għall-Imqabba (ritratt lemin) kif ukoll statwi li jintramaw fit-toroq Maltin fil-ġranet tal-festi.


B'Rabta mal-Ġimgħa Mqaddsa, Giovanni m'għamilx ħafna xogħol imma hemm attribwiti lilu l-istatwi tal-Madonna, San Ġwann u l-Madalena tal-vara l-Kbira li għadha toħroġ proċessjonalment fiż-Żejtun kif ukoll ir-Redentur tal-Birgu.


Lejn l-aħħar ta' ħajjtu, Giovanni Darmanin mar joqgħod ir-Rabat fejn ħalla dan il-wied tad-dmugħ f'Diċembru tal-1908.

Vincenzo Cremona (1851-1912)

Ritratt - Mark Micallef

Ritratt - Mark Micallef

Cremona twieled fil-Belt Valletta fl-1851. Huwa beda l-istudji tiegħu f’Malta iżda kompla jsaħħaħ it-talent tiegħu f’Napli u meta ġie lura nħatar bħala l-ewwel xenografu tat-Teatru Rjal.


Hawn min isostni li Cremona kien student ta’ Karlu Darmanin iżda għalkemm it-tnejn li huma kellhom il-kapaċita li joħolqu figuri kemm jista jkun umani, id-differenza fix-xogħlijiet tagħhom hija kbira anki għax Cremona huwa ħafna aktar drammatiku.


Cremona ħadem għadd ġmielu ta’ statwi li jintramaw fil-pjazez fil-festi titulari fosthom fil-Mosta (is-sultan David u sett anġli zgħar) ritratt xellug, u Ħal-Qormi San Ġorġ. Għas-Soċjeta La Stella tal-Belt Vittoria, Cremona ħadem l-istatwa tad-dimostrazzjoni tal-Qaddis Patrun San Ġorġ Megalomartri.


Vari tal-Gimgħa Mqaddsa attribwiti lil Cremona għandna l-Ort ta’ Hal Qormi (għalkemm oħrajn isostnu li dan huwa xogħol ta’ Karlu Darmanin) u ż-żewġ suldati li qegħdin maġenb Kristu Rxoxt. Għal San Ġorġ tal-Belt Vittorja, Cremona kien ħadem il-figura tal-anġlu tal-vara ta’ l-Ort li kienet toħroġ fil-Purċissjoni sal-2008 qabel iżżanżnet il-vara l-ġdida ta’ Michael Camilleri Cauchi.


Vincenzo Cremona miet fl-1912.

Karlu Darmanin (1825-1909)

Darmanin maghruf ukoll bhala Carlozzo twieled l-Isla fl-1825 u tharreg l-arti minn missieru. Fil-bidu tal-karriera tieghu ittanta jaghmel xi skulturi fl-irham izda ma damx ma beda jahdem fil-kartapesta.


Ghalkemm Darmanin hadem hafna xoghol marbut mal-Gimgha l-Kbira, tajjeb insemmu xi vari titulari li ghamel fosthom is-Salvatur ghal Hal Lija (ritratt isfel), San Gejtanu ghal Hamrun, San Giljan ghall-Parrocca li ggib l-istess isem u San Leonardu ghal Hal Kirkop ( li inbidel fl-1949).


Karlu Darmanin jibqa l-aktar maghruf ghan-numru kbir ta' vari li hadem ghall-Gimgha l-Kbira. Kien l-istatwarju li seraq ix-xena fit-tieni nofs tas-seklu dsatax u ta sehem kbir fl-izvilupp ikonografiku f'pajjizna.


Naghtu xi ezempji. L-Ort ta' Bormla (1878) hija kkunsidrata bhalha wiehed mill-kapulavuri ta' Darmanin, l-ewwelnett ghall-pozizzjoni insolita li qed fiha Kristu u wkoll ghax fiha introduca it-tieni anglu. 

Fil-Veronika tal-Mosta (1869) introduca ghall-ewwel darba figura gdida fit-tifla zzomm il-garra f'idejha. Imma l-aktar vara li tixhed l-izvilupp ikonografiku hija il-vara tat-tradiment ta' Guda f'Hal Qormi (1908), li hija l-ewwel vara ta' dan il-misteru f'Malta u li baqghet unika sal-1961. Permezz ta' Karlu Darmanin, inkissret it-tradizzjoni tas-sett tat-tmien vari.


Darmanin hadem hafna vari ghal diversi lokalitajiet u mhux ta' b'xejn li jissejjah il-Princep ta' l-istatwarji. Tajjeb li nghidu li l-Mosta ghandha sitta mid-disgha vari ta' dan l-istatwarju. Hawnhekk ta' min isemmi il-kurcifiss meraviljuz tal-vara l-Kbira (1869), bicca xoghol li tigbed l-ammirazzjoni ta' kullhadd.


Karlu hadem hafna xoghlijiet ohra, fosthom angli li ghadhom izejnu t-toroq taghna fil-festi parrokkjali.


Insemmu wkoll il-Madonna tar-Ruzarju li hadem ghall-Mellieha, ghan-Naxxar u ghaz-Zurrieq, il-Madonna ta' Lourdes ghall-Qrendi u l-Qalb ta' Gesu ghal H'Attard.


Karlu Darmanin miet fis-26 ta' Novembru 1909 fil-Hamrun u ndifen fic-cimiterju tal-Addolorata.

Statwarji tas-Seklu Għoxrin

Abram Gatt (1863-1944)

Abram twieled f'Bormla fl-1863 u tħarreġ fl-arti fl-iskola Teknika ta’ raħal twelidu taħt it-tmexxija tal-pittur Lazzaro Pisani. Tgħallem l-iskultura fl-injam u fil-kartapesta. Barra minhekk, Gatt jista jitqies bħala arġentier u diżinjatur mill-aqwa u bosta knejjes f’pajjiżna huma mżejjna b’ħafna opri artistiċi tiegħu.


Xi xogħolijiet li juru l-ħila tiegħu huma d-disinn tal-Vara tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla u l-pedestall tal-istess statwa , il-vara artistika ta’ San Ġużepp f’Bormla wkoll (ritratt lemin) , id-disinn tal-bradella u l-pedestall tal-fidda tal-vara ta’ Santa Marija fl-Imqabba, l-erba’ statwetti tal-fidda fil-pedestall tal-vara ta’ San Lawrenz fil-Birgu.


Għas-sett tal-Passjoni, Abram ħadem il-Veronika u Kristu msallab tal-Vara l-Kbira ta’ raħal twelidu. Għal Bormla wkoll għamel id-disinn tal-qabar ta’ Kristu Irxoxt.


Abram Gatt li ħakem ix-xena artistika Maltija fit-tmiem is-seklu dsatax u l-bidu tas-seklu għoxrin daħal fil-ħajja ta’ dejjem fl-1944. 

Kalcidon Mangion

Sfortunatament, ftit li xejn għandna tagħrif dwar dan l-istatwarju u l-ftit li nafu wasal għandna minn dawk ta’ qabilna. Kalċidon għex u ħadem fil-Għargħur fl-istess żmien li Karlu Darmanin (1825-1909) kien qed jisraq ix-xena f’Malta fl-arti tal-kartapesta. Kienet ukoll l-era li fiha spikka l-pittur famuż Ġużeppi Cali’ (1845-1930) li kien ħabib tal-qalb ta’ Kalċidon. Jingħad li r-rispett ta’ Cali’ lejn Mangion kien hekk kbir li meta Cali’ pitter il-kwadru titulari tal-Għargħur fl-1902, li juri l-martirju ta’ San Bert, uża lil Kalċidon bħala mudell għall-figura ta’ manigold qed iżomm il-ħbula li bihom intrabat l-appostlu (ritratt taht).

Ma nistgħux ngħidu li dan l-istatwarju ħalla wisq influwenza fuq din l-arti madankollu hemm xi tagħrif fuqu li ta’ min isemmi. Skont l-istoriku Mosti Joseph Borg, dan l-istatwarju kien ħadem l-ewwel vari tal-Ecce Homo, il-Veronika u l-korp ta’ Kristu mejjet għall-Parroċċa tal-Mosta. Li hu stramb hu li dawn inħaddmu sewwa sew fl-istess żmien li Karlu Darmanin kien diga’ ħadem l-Ort u l-Marbut (1866), ir-Redentur u l-Varal-Kbira (1869) għall-istess Parroċċa. Jista’ jagħti l-kas li l-Mostin ta’ dak iż-żmien kellhom tant ħerqa li jgħaqqdu kemm jista’ jkun is-sett tradizzjonali, li daħħlu lil Kalċidon Mangion biex jagħmlilhom il-kumplament tal-Vari li Darmanin, imħabbat kif kien, ma kellux żmien biex ilestihom kollha kif xtaqu. Illum ma baqa’ l-ebda ħjiel ta’ dawn il-Vari għax Darmanin ħadem oħrajn flokhom snin wara.


B’xorti tajba, fil-Mosta għadu jeżisti l-ewwel sett appostli li jingħad li Kalċidon Mangion kien ħadem għall-artal maġġur tar-Rotunda għall-ħabta tal-1880. Dawn qed jiġu restawrati u arġentati mill-ġdid. Għall-Mosta wkoll, Kalċidon kien ħadem l-ewwel sett ta’ gandlieri tal-injam għall-artal li skont xi Mostin antiki saru fuq disinn ta’ George Grognet kif ukoll l-ewwel sett ta’ arkanġli li jżejnu l-ġnub tal-kor. Dawn inbidlu fis-snin tletin tas-seklu dsatax ma’ oħrajn ta’ l-iskultur Ċensu Apap.


Minbarra s-sett ta’ Vari tal-Ġimgħa l-Kbira għall-Għargħur li tagħrif dwarhom jinsab fil-paġna ddedikata lil dan ir-raħal, Mangion ħadem l-anġli tal-Monument ta’ Ħal Qormi. Dan l-aħħar, instabet ukoll evidenza fl-Arkivju Parrokjali tan-Naxxar, preċiżament fid-djarju ta’ Dr Ignazio Micallef li tgħid li l-anġli mal-Monument tan-Naxxar, s’issa dejjem attribwiti lil Karlu Darmanin, saru wkoll min Kalċidon Mangion. Huwa magħruf li Mangion kien jagħmel użu mill-forom ta’ Darmanin u jista jkun li hekk għamel għall-anġli tal-Monument tan-Naxxar. Dan jispjega l-livell ogħla ta’ xogħol ta’ dawn l-anġli minn xogħlijiet oħra tiegħu.

Giuseppe Caruana (1887-1973)

Magħruf bħala ta’ Marċjol, dan l-artist twieled il-Mosta fl-1887 imma l-ħanut tax-xogħol tiegħu kien jinsab f’Bormla. Minbarra x-xogħlijiet li ħadem, Giuseppe kien ukoll restawratur ta’ ħila. B’konnessjoni mal-Ġimgħa l-Kbira, tal-Marċjol għandna l-anġlu tal-vara ta’ l-Ort tal-Birgu (1946) kif ukoll l-Ort (1955) u l-figura tal-Veronika (1954) f’Ħaż-Żebbuġ.


Għal Haż-Zebbuġ ukoll, Caruana rrestawra il-vara tad-Duluri fis-snin ħamsin tas-seklu li għadda kif ukoll l-anġli li jsebbħu l-Monument tal-istess lokal. Giuseppe Caruana miet fl-1973 fl-eta’ ta’ 85 sena. 

Wistin Camilleri (1885 - 1979)

Wistin Camilleri twieled ir-Rabat Ghawdex fl-1885 minn genituri Zwieten. Sa minn ckunitu wera hegga artistika u kien jaghmel il-pasturi tat-tafal u jmur ibieghom it-Tokk ghal tlett habbiet -il wiehed. F'zghozitu, Wistin beda jitghallem l-istudju tal-arti fis-Seminarju ta' Ghawdex. Min hemmhekk kompla jistudja fl-iskola tal-arti fil-belt Valletta taht il-Bormliz Guzeppi Duca u aktar tard taht il-pittur famuz Guzeppi Cali'. Imbaghad ghamel sentejn jistudja Ruma.

Lejn is-sena 1909 fetah l-istudju tieghu fir-Rabat Ghawdex minn fejn baqa' jahdem sa mewtu. Ta' hmistax-il sena, Wistin hadem l-istatwi ta' San Pietru u San Pawl fil-gebel ghal fuq il-fontispizju tal-knisja tal-Kapuccini ta' Ghawdex. Kien wiehed mill-ewwel artisti li esperimenta bl-uzu tal-konkos. Hadem f'din il-midja l-istatwi ta' Sant' Anna u San Gwakkin ghall-Qala. Wistin hadem ukoll fil-gebla Maltija u tieghu hija l-iskultura kollha fis-Santwarju tal-Madonna ta' Pinu. F'Din il-knisja hemm madwar 1800 disinn skulturali differenti inkluz il-grupp ta' appostli ukoll mahdumin fil-gebel.


Wistin jibqa maghruf l-aktar ghall-ammont ta' kurcifissi li gie mitlub jahdem. Fil-fatt ha l-laqam ta' Wistin tal-Kurcifissi. Hadem wiehed maestuz ghall-vara l-kbira tal-Katidral t'Ghawdex. Hadem ukoll diversi kurcifissi ghas-socjeta tal-M.U.S.E.U.M. Jinghad li Dun Gorg, illum San Gorg Preca kien jaghti pariri lin-nies biex ghal Kurcifiss devot isaqsu ghal Wistin t'Ghawdex.


Fost il-vari tal-Gimgha l-Kbira li hadem, wiehed isemmi l-aktar Monument maghruf gewwa Malta jigifieri dak tal-Mosta li ddisinja u hadem ghalih il-korp ta' Kristu mejjet u t-tmien angli li jdawruh. L-ahhar xoghol li hadem huwa meqjus l-kapulavur tieghu u dan hu l-grupp statwarju tat-tradiment ta' Guda li ghamel ghall-Parrocca tan-Naxxar fl-1975 fl-eta' ta disghin sena. Ghall-katidral t'Ghawdex, minbarra l-vara l-kbira, hadem id-duluri u d-difna li hija xoghol originali ghall-ahhar. Ghall-Parrocca ta' San Gorg Ghawdex hadem il-Veronika, il-figuri tal-vara l-Kbira (aqta' l-kurcifiss) u l-angli tal-Monument. Ghandu aktar xoghol imxerred ma' Malta u Ghawdex.


Wistin Camilleri gie onorat mill-Papa Pawlu VI u moghti t-titlu ta Kommendatur mill-Ordni tal-Kavallieri ta' San Gwann. Huwamiet nhar l-Erbgha ta' Lulju 1979 fl-eta' sabiha ta' 94 sena.

Antonio Farrugia

Antonio Farrugia mill-Isla kien dilettant tal-kartapesta u kellu l-ħanut tax-xogħol tiegħu fi Triq l-Annunzjata f'Ħal Tarxien. Minbarra l-vari tal-Passjoni, għall-Paroċċa Kristu Re ta' Raħal Ġdid, Farrugia kien ħadem xi statwi oħra li jintramaw fil-pjazza matul il-ġranet tal-festa fosthom waħda allegorika ta' Malta li għadha tintrama sal-ġurnata tal-lum. Statwi oħra li ħadem biex jintramaw fil-festa tal-Kunċizzjoni f'Bormla u fil-pjazza tal-Gudja għall-festa ta' Santa Marija jidher li twarrbu biż-żmien. Kien skolpa wkoll xi statwi fil-ġebel fosthom waħda ta' San Pawl għall-faċċata tal-Knisja ddedikata lil dan il-Qaddis f'Bormla.


Relatat mal-Ġimgħa l-Kbira, Antonio ħadem l-ewwel ir-Redentur għal Raħal Ġdid li għadu l-istess wieħed li joħroġ proċessjonalment sal-lum (ritratt xellug). Il-Benefattur ta' din il-vara kien Mikiel Buontempo li kien jiġi missier il-mara ta' Antonio innifsu. Kellhom jgħaddu xejn inqas minn 28 sena biex l-istess statwarju kompla jaħdem il-kumplament tas-sett ta' vari għal dan ir-raħal.


Imma fatt kurjuż dwar dan l-istatwarju hu li xi snin wara t-tieni gwerra dinjija, kien tqabbad biex jaħdem l-istatwa ta' Kristu Rxoxt għal Raħal Ġdid li iżda ma ġietx aċċettata mill-kapillan ta' dak iż-żmien. Din imbagħad ingħatat lill-Parroċċa tal-Gżira li b'riħet t'hekk bdiet torganizza il-purċissjoni tal-Għid. Eventwalment, fit-tmeninijiet tas-seklu l-ieħor din il-vara tbiddlet ma' oħra ġdida ta' Alfred Camilleri Cauchi. Lura għal Raħal Ġdid, Antonio ħadem vara oħra tal-Irxoxt fl-1973 li baqgħet toħroġ fil-manifestazzjoni tal-Għid sal-ewwel snin tas-seklu li qegħdin fih meta żżanżnet waħda ġdida ta' Michael Camilleri Cauchi.

Gerolamo Dingli (1911- 1994)

Gerolamo jew Ġlormu Dingli twieled l-Imqabba fl-1911 izda għex u ħadem ir-Rabat Malta. Mindu kien zgħir, deher li kellu passjoni u talent biex jimmudella. Kien jattendi l-iskola tal-Arti tal-gvern u tgħallem taht Anton Micallef.


Dingli hakem ix-xena artistika f'nofs is-seklu għoxrin. L-aktar li ħadem kien xogħol fil-kartapesta, xogħol dekorattiv u statwi kemm għall-knejjes kif ukoll ghal djar privati. Ħadem kemm vari mudelli kif ukoll kopji ta' vari ezistenti ghad-devoti privati u għamel bosta xogħol ta' restawr. Bħala vari titulari, huwa ħadem Santa Marija Assunta ghal tas-Samra, Hamrun (1967) u l-Madonna ta' Fatima ghal G'Mangia (1971) it-tnejn fil-kartapesta.


Kien aktar attiv fil-qasam tal-Passjoni u l-qawmien ta' Kristu. Ħadem il-vari tal-Irxoxt ghal Ħaz-Zebbug (1975), Mosta (1976 ritratt lemin) ), Qormi San Bastjan (1981 dettall ritratt lemin) u l-Għargħur (1983). Ta' min jgħid li l-Irxoxt ta' Ħaz-Zebbug huwa maħdum differenti mit-tlieta l-oħra Dingli ittrasforma l-qabar soltu rħamat u mzejjen bi skultura għal wieħed modern u semplici f'forma ta' kaxxa rettangolari miksija bil-gibs u mizbugħa b'kulur kannella fil-griz. 

Ghall-purcissjonijiet tal-Gimgha l-Kbira, Glormu Dingli hadem tliet vari tat-tradiment ta' Guda ghall-Mosta (1963), Hal Luqa (1973) u Haz-Zebbug (1978). Ghal Haz-Zebbug hadem il-vara ta Gesu mghejun minn Xmun ic-Cirinew (1964) li bhalha hawn biss iz-Zejtun (xoghol Taljan) u Hal-Qormi fejn Ic-Cirinew gie integrat fil-vara tal-Veronika. Dingli hadem ukoll id-Duluri ghan-Naxxar (1965) u l-Imsida.


Gerolamu Dingli halla din id-dinja fis-26 ta' Mejju 1994.

Statwarji Kontemporanji

Alfred Camilleri Cauchi

Alfred Camilleri Cauchi twieled il-Belt Vittorja fl-1943, iben l-istatwarju magħruf Ghawdxi Wistin Camilleri u Franġiska. Minn ċkunitu kien jidher ċar li Alfred kellu xeħta għat-tpinġija u l-iskultura. Beda jistudja l-arti fl-iskola tal-Arti f'Malta taħt l-imgħallmin Ġorġ Borġ u Ċensu Apap, imbagħad kompla javvanza fl-istudji tiegħu fil-kulleġġ tal-Arti ġewwa Edinburgh, l-Iskozja.


Lura f'Malta, Alfred intefa jgħin lil missieru Wistin li issa kien imdaħħal sewwa fiż-żmien. Alfred ħadem f'diversi midja fosthom fl-injam, fl-irħam, fil-ġebla Maltija, fil-kartapesta u fil-fajberglas.


Fost ix-xogħlijiet ta' Alfred insibu żewġ vari titulari li huma l-istatwa ta ' Marija Reġina tal-Marsa u San Ġwann tas-Salib f' Ta' Xbiex. Ħadem ukoll ammont kbir ta' statwi li kull sena jintramaw fl-imsieraħ u t-toroq tagħna għall-festi tal-irħula. Ta' min isemmi wkoll l-istatwa artistika ta' Kristu Re li Alfred ħadem għas-Soċjeta De Paule ta' Raħal Ġdid fl-1998 u li skolpixxa minn zokk wieħed miġjub apposta mill-Afrika (imbagħad indurata minn Mastro Horace Farrugia).


Marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, ix-xogħol ta' dan l-istatwarju huwa mfittex ħafna. Ġie kkummissjonat jagħmel għadd kbir ta' Vari tal-Passjoni għal ħafna Parroċċi mxerrda fil-gżejjer tagħna. Ħadem ukoll il-vari tad-Duluri għall-Fgura u l-Balluta. Tiegħu ukoll għandna madwar tlettax-il statwa ta' Kristu Rxoxt fosthom dik skolpita fl-injam li ħadem għall-Parroċċa ta' San Ġorġ fil-Belt Vittorja. Nistgħu ngħidu li Alfred huwa l-ewwel statwarju Malti li ħadem statwi tal-fajberglas. Dawn nistgħu narawhom f'diversi Ċenakli li jintramaw fi żmien il-Ġimgħa Mqaddsa.

L-ammont ta' xogħol li għamel Alfred huwa kbir wisq biex nistgħu insemmuh kollu. Diversi pjazez Maltin huma mżejjna b'monumenti tal-ġwerra u monumenti u bustijiet ta' personalitajiet distinti kollha maħduma b'reqqa minnu. Saħansitra esporta xogħlu anki f'pajjiżi barranin bhall-Awstralja, l-Kanada u l-Ingilterra. M'hemmx dubju li s-suċċess tiegħu ġej mill-fatt li l-fiġuri li joħloq, bil-pożizzjonijiet u l-espressjoni tagħhom huma kważi reali.


Bħala rikonoxximent għall-Via Sagra fl-irħam li għamel għall-pjazza ta' quddiem is-Santwarju Ta' Pinu f'Ghawdex, Alfred ingħata t-titlu ta' Kavallier tal-Unur tal-Ordine Reale della Corona Balearica ta' Spanja. Aktar riċenti l-Ordni Akkademika Internazzjonali Greci-Marino, Ordni prestiġġjuża li tħaddan fiha artisti ta' fama mondjali ħattret lil Alfred Camilleri Cauchi bħala Surmast Onorarju Malti fi ħdanha. 

L-Aħħar xogħlijiet ta' Alfred u ibnu Aaron (are l-profil separat) inħaddmu fl-injam għall-parroċċa ta' Ħal Għaxaq - Il-Marbut (2010), l-Ecce Homo (2011) u r-Redentur (2014).


Nitolbu 'l Alla jagħti għomor twil lil Alfred biex ikompli jżejjen dawn il-gżejjer bl-opri sbieħ tiegħu. 

Michael Camilleri Cauchi

Michael Camilleri Cauchi, bin l-istatwarju magħruf Wistin Camilleri twieled il-Belt Vittorja fit-tlieta ta’ Frar 1951. Ħa l-edukazzjoni tiegħu l-ewwel fil-Liceo t’Għawdex imbagħad fl-Istitut Tekniku fejn studja l-arti u akkwista ċ-ċertifikati IT u GITC tas-City and Guilds. Għallem is-sengħa tal-iskultura fl-injam u fit-tafal fl-iskola tal-arti f’Għajnsielem li ġġib l-istess isem ta’ missieru. F’żogħżitu tħarreġ fis-sengħa tal-iskultura ma’ missieru kif ukoll ma Giuseppe Galea, il-Professur Emvin Cremona u John Robinson.


Michael ma damx ma wera l-ħiliet artistiċi tiegħu u ġie mqabbad jagħmel għadd kbir ta’ xogħlijiet kemm għall-knejjes kif ukoll monumenti għal postijiet pubbliċi. Fost ix-xogħol fil-knejjes nistgħu nsemmu l-iskultura fil-ġebla fis-Santwarju Ta’ Pinu, il-koppla tal-Knisja Parrokjali t’Għajnsielem u skultura fl-injam għall-knisja tan-Nadur, kollha f’Għawdex. Għamel ukoll restawr f’diversi knejjes oħra fosthom fil-Bażilika ta’ Sant’Elena, Birkirkara, fil-Knisja tal-Immakulata Kunċizzjoni ta’ Bormla, fil-Knisja tas-Salvatur ta’ Ħal Lija u fil-Knisja ta’ San Nikola fis-Siġġiewi.


L-istatwi ta’ Michael huma mxerrdin ma’ Malta u Għawdex kollu. Fosthom insemmu l-vara titulari ta’ San Duminku għall-Knisja tal-Lunzjata tal-Patrijiet Dumnikani fil-Birgu (1986 - ritratt lemin), l-istatwa tas-Salvatur għall-Għasri (1982), Sant’Elena għall-Għaqda Mużikali Duke of Connaught ta’ Birkirkara u ħafna statwi oħra li jżejjnu l-pjazez tagħna fil-ġranet tal-festi.


Imma Michael Camilleri Cauchi żgur li se jibqa’ magħruf għall-Vari tal-Ġimgħa l-Kbira li kien u għadu jaħdem. Kif jidher f’paġni oħra f’dan is-sit, dan l-istatwarju ħadem vari għal disa’ Parroċċi fejn toħroġ il-Purċissjoni fosthom f’Raħal Ġdid fejn ħamsa mill- għaxar vari huma xogħlijiet tiegħu. L-aktar vari riċenti ta’ Michael huma l-Ort (2009), il-Marbut (2011), L-Ecce Homo (2012) u r-Redentur (2013) kollha maħdumin fl-injam għall-Bażilika ta’ San Ġorġ tal-Belt Vittorja . Matul is-snin Michael għamel ħafna xogħol ta’ restawr fuq diversi vari kemm titulari kif ukoll tal-Ġimgħa l-Kbira.


Minbarra f'Malta, is-Sur Camilleri Cauchi għandu xogħlijiet mxerrda f'diversi pajjizi oħra fosthom fl-Italja, l-Ingilterra, l-Ġermanja, l-Amerka, l-Kanada u l-Awstralja. 

Renzo Gauci

Is-Sur Renzo Gauci twieled Hal Tarxien fid-29 ta’ Marzu 1959. Ix-xeħta għall-arti dehret fih sa minn ċkunitu u sab l-inkoraġġiment tal-ġenituri tiegħu billi pprovdewlu dak kollu li kien meħtieġ għat-tpinġija u l-mudellatura. Ħa l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ De La Salle imbagħad trawwem fl-iskola ta’ l-Arti ġewwa l-Belt Valletta taħt id-direzzjoni ta’ Carmelo Schembri u John Pace u għad-disinn taħt l-iskultur Censu Apap, Anton Calleja u Joseph Cassar. Kienu diversi l-artisti fosthom Antonio Buhagiar li tawh pariri siewja biex mexa ‘l quddiem fil-karriera tiegħu. Intefa’ fuq ix-xogħol tal-kartapesta sa mill-1979.


Renzo huwa l-aktar magħruf għall-iskultura fl-injam u għar-restawr iżda ħa wkoll fama mad-dilettanti tal-festi għall-istatwi tal-kartapesta li kellu l-kapaċita’ jsawwar.


Bħala xogħol ta’ skultura, nistgħu nsemmu l-bradella tal-vara tal-Madonna tal-Karmnu għall-Parroċċa tal-Fgura, in-niċċa għall-vara ta’ Marija Reġina fil-Marsa u xogħol ieħor għall-Knisja tal-Madonna tal-Pilar fil-Belt Valletta.

Iżda żgur li Renzo huwa l-aktar marbut mal-Ġimgħa l-Kbira. Tista’ tgħid li l-vari kollha tal-Għargħur u Ħal Luqa raw l-id tiegħu. Filwaqt li ħadem numru minnhom mill-ġdid, ħa ħsieb li jirrestawra l-kumplament. Xogħol ieħor ta’ dan l-iskultur huma l-istatwi tar-Redentur u Kristu mejjet għar-raħal tal-Għasri f’Għawdex u Duluri għall-kappella tal-Ittrija f’Binġemma. Gauci għamel ukoll restawr fuq għadd ta’ vari għall-Parroċċi tal-Mosta u l-Birgu. Tiegħu ukoll huma l-istatwi ta’ Kristu Rxoxt fil-knejjes ta’ Agostinjani f’Ħal Tarxien u r-Rabat.

L-Iskultur Renzo Gauci għamel diversi disinji għal xogħol ta’ rakkmu li jakkumpanja l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Fosthom insemmu s-seba’ kelmiet ta’ Kristu, il-bandalora tal-Passjoni u dik tal-S.P.Q.R. għall-Għargħur u disinji għar-rinnovazzjoni tal-Monument għall-Knisja ta’ San Ġorġ f’Ħal Qormi. Xogħol bikri tiegħu kienu l-Ajkla Rumana u s-seba’ plakki bis-seba’ kelmiet li jakkumpanjaw il-purċissjoni li toħroġ mill-Bażilika ta’ l-Isla.


Renzo Gauci għamel diversi xogħolijiet oħra ta’ skultura li jinsabu f’kollezzjonijiet Privati.

Aaron Camilleri Cauchi

Aaron Camilleri Cauchi jkompli l-linja familjari ta’ artisti li bdiet min-nannuh Wistin Camilleri u kompliet b’uliedu, fosthom missieru Alfred. Aaron twieled fit-12 ta’ Marzu tal-1979 minn Alfred u Catherine mwielda Ellul.

Id-doni artistiċi tiegħu dehru sa minn ċkunitu u din is-sengħa tal-familja ntirtet minn misser għal iben. Minn età żgħira huwa kien josserva u jgħin lil missieru fil-ħafna xogħlijiet artistiċi li ħoloq minn materjali differenti fosthom fit-tafal, fil-kartapesta, fil-fibreglass, fl-injam, fil-bronż, fil-ġebla Maltija u fl-irħam. Meta kiber, Aaron tħarreġ aktar fis-sengħa tal-iskultura kif ukoll kellu l-opportunità li jaħdem ġewwa l-Italja, proprju fid-Domus Dei ġewwa Ruma u l-Fonderia Storica Chiurazzi f’Napli.


Għalkemm għadu ta’ età żgħira, Aaron diġà ħoloq għadd kotran ta’ xogħlijiet. Huwa ġie kkumissjonat jaħdem numru kbir ta’ statwi tal-kartapesta li jżejnu l-pjazez u t-toroq tal-bliet u l-irħula tagħna matul il-jiem ferrieħa tal-festi. Barra minn hekk, xogħlijiet oħra tiegħu jinsabu mxerrdin madwar l-Ewropa, l-Amerika u l-Awstralja. Apparti x-xeħta artistika li wiret min-niesu, ma tridx wisq biex tagħraf il-kapaċità akkademika fil-kompożizzjonijiet tiegħu, riflessa fl-istil u fl-oriġinalità bl-użu tal-kuluri. Il-figuri ta’ qaddisin u personaġġi Bibliċi li joħorġu minn taħt idejh jixhdu l-virtujiet tal-umiltà, karità u ġustizzja.


It-talenti ta’ dan l-artist żagħżugħ jispikkaw fix-xogħlijiet relatati mal-Ġimgħa Mqaddsa. Dan għaliex huwa ħadem numru ta’ figuri lifesize tal-fibreglass sabiex jintużaw f’wirjiet diversi li jittellgħu f’dan iż-żmien qaddis. Fost dawn l-esebizzjonijiet, ta’ min isemmi l-Mejda tal-Appostli fil-Belt Valletta, il-Ħasil tar-Riġlejn fil-Gudja u t-Tradiment ta’ Ġuda f’San Ġiljan. Bejn l-2007 u l-2009, Camilleri Cauchi kien ikkummisjonat sabiex jaħdem tliet statwi tal-kartapesta għad-Duomo ta’ San Ġorġ f’Ragusa fi Sqallija. Dawn jirrapreżentaw id-Duluri, is-Sepulkru Mqaddes u l-Irxoxt.

Imma l-aktar xogħlijiet riċenti ta’ Aaron li sawwar flimkien ma’ missieru Alfred, relatati mal-Ġimgħa l-Kbira, saru għall-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq. Dan għaliex bejn 2010 u l-2014, tnaqqxu fl-injam tliet vari artistiċi li juru lil Ġesù marbut mal-kolonna, l-Ecce Homo u r-Redentur. Aktar vari ġodda għal dan ir-raħal mistennija jitlestew fis-snin li ġejjin biex finalment ikun inbidel is-sett kollu ta’ Peppi Vella.

Aaron Camilleri Cauchi jispeċjalizza wkoll fix-xogħol ta’ konservazzjoni u restawr. Fl-1999 Aaron irrestawra l-vari antiki tal-Ġimgħa l-Kbira li jinsabu fil-Knisja Katidrali ta’ Għawdex. Dawn l-istatwi tal-kartapesta nħadmu min-nannuh Wistin Camilleri u minn maħrub Sqalli li sab il-kenn f'Għawdex fil-bidu tas-seklu tmintax (ara l-paġna tal-Katidral t'Għawdex). Fis-sena 2001, Aaron kellu sehem importanti fir-restawr tal-istatwa titulari ta’ Santa Marija li nsibu fil-Katidral ta’ Għawdex filwaqt li fl-2003, huwa rrestawra statwa tal-injam tal-Immakulata Kunċizzjoni li tinsab fil-knisja parrokjali ta’ San Romano fil-belt ta’ Ruma.


Fis-sajf tas-sena 2011, Camilleri Cauchi rrestawra l-vara titulari u devota tal-Madonna tal-Grazzja li nsibu fil-parroċċa ta’ Ħaż-Żabbar. Matul il-proċess ta’ restawr, huwa rnexxielu joħroġ l-karatteristiċi oriġinali tal-istatwa, li nħadmet mill-Artist Mariano Gerada. Proprju fil-bidu tas-sena 2012, Aaron irrestawra vara tal-injam li tirrapreżenta lil Marija Bambina jew il-Vitorja, kif inhi magħrufa aħjar mal-Maltin. Din tinsab fil-Knisja ta’ San Franġisk t’Assisi f’Warrawong ġewwa Sydney, l-Awstralja.


Mill-1995 sal-2004, Camilleri Cauchi kien responsabbli mix-xogħlijiet ta’ restawr u konservazzjoni fis-swali prinċipali ta’ Palazzo Parisio, in-Naxxar. Fl-2004, huwa kien mistieden iżur il-gżejjer ta’ Trinidad u Tobago li jinsabu fl-Oċean Atlantiku sabiex jirrestawra l-Knisja tal-Isem Imqaddes, jgħallem dwar id-dekorazzjonijiet fil-knejjes kif ukoll kien il-kelliem ewlieni f’konferenza li fiha ddiskutew il-knejjes storiċi u l-patrimonju tagħhom. Aaron irrestawra anke diversi xogħlijiet artistiċi antiki li jinsabu f’kollezzjonijiet privati.

B’rabta ma’ żmien il-Milied, nistgħu ngħidu li Aaron huwa wiehed mil-ftit statwarji li ħadem vari li jirrappreżentaw in-Natività sabiex jintramaw fuq il-presbiterju tal-knejjes fi żmien il-Milied. Dawn saru għall-Katidral t’Għawdex fl-2005 u fl-2011 għall-Knisja Arċipretali tal-Mosta.


Permezz tax-xogħlijiet tiegħu, Camilleri Cauchi pparteċipa f’ħafna esebizzjonijiet lokali kif ukoll internazzjonali. Fost l-aktar importanti u ta’ sodisfazzjoni, ta’ min jgħid li fl-2008, Aaron ħadem biċċa skultura magħrufa bħala altoriljiev li tirrappreżenta n-Natività. Din rebbħitu l-ewwel premju fis-Sitt Esebizzjoni Internazzjonali Ewropea tan-Nativita, li ttellgħet fir-reġjun ta’ Kalabrija ġewwa l-Italja, kif ukoll fil-Parlament Ewropew. Bħala tifkira ta’ dan l-avveniment, Aaron ppreżenta skultura oħra relatata mat-tema tan-Natività u din hija miżmuma b’għożża ġewwa l-Parlament Ewropew. Fl-2010 Aaron ħa sehem f’esebizzjoni internazzjonali oħra, “Parallax” li ttellgħet fiċ-ċentru ta’ Londra. Xogħlu kien esebit qalb xogħlijiet ta’ artisti minn kull naħa tad-dinja u l-kuraturi tal-wirja lkoll kellhom kliem ta’ tifħir għall-iskulturi tiegħu.


Aaron Camilleri Cauchi huwa mpjegat mal-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali fejn jaħdem bħala Conservation Coordinator, kif ukoll jaħdem bħala artist fil-bottega tiegħu ġewwa l-Fgura.

0