Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Sehem il-Mużika fil-Ġimgħa Mqaddsa

Sehem il-Mużika fil-Ġimgħa Mqaddsa


Joseph F. Grima

Meta wieħed isemmi l-mużika fil-purċissjoni tal-Ġimgħa Mqaddsa, moħħu mal-ewwel jaħseb fuq il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u ta' l-Għid il-Kbir. Iżda ma rridux ninsew li, għalina l-Maltin, il-Ġimgħa Mqaddsa tibda f’jum id-Duluri , meta f'Malta u Għawdex joħorġu madwar 63 purċissjoni, uħud isejħulhom pellegrinaġġi, bil-vara tal-Madonna tad-Duluri u li għalihom il-Maltin u l-Għawdxin jattendu bi ħġarhom. Moħħkom bir-raġun kollu mal-ewwel jistaqsi dan x'għandu x'jaqsam mal-mużika għax dawn il-purċissjonijiet huma manifestazzjonijiet ta' penitenza u l-mużika ma ssibx postha fihom. Min jaħseb hekk għandu raġun għax hekk hu, iżda hemm eċċezzjoni waħda: il-purċissjoni pageant li ssir fix-Xewkija, Għawdex. Oriġinarjament, din il-purċissjoni kienet waħda votiva bħall-oħrajn iżda, mill-1972 ' il hawn, bdiet tiġi organiżżata mod ieħor u saru jieħdu sehem fiha madwar 200 partiċipant li jippreżentaw is-Seba' Duluri tal-Madonna flimkien ma' diversi allużjonijiet mit-Testment il-Qadim li jinkludu wkoll diversi persunaġġi nisa bħalma kienu Ġuditta u Ester. F'din il-manifestazzjoni jieħdu sehem ukoll żewġ baned u żewġ korijiet li jdoqqu/jkantaw innijiet sagri u marċi funebri. L-unika eċċezzjoni l-oħra li naf biha, u li damet biss ftit snin, kienet il-purċissjoni tad-Duluri fil-Parroċċa ta' San Bastjan, Ħal Qormi li, għal xi sentejn jew tlieta fis-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor, inkludiet il-banda tal-post bid-daqq ta' marċi funebri. Ma tkomplietx aktar b'dan il-mod għax inħass li l-ispirtu penitenzjali kien qed jitnaqqar u allura l-iskop ewlieni tal-purċissjoni ma kienx ser jintlaħaq.

Meta niġu għall-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira, nsibu li xi forma ta' daqq ta' mużika kien diġa preżenti fl-ewwel snin ta' l-organiżżazzjoni tagħhom, almenu fis-seklu sbatax. Fil-kontijiet tal-purċissjoni tal-Belt Valletta ta' l-1673, insibu mniżżlin l-ispejjeż għad-daqq tal-mużika fil-purċissjoni proprja. Jekk nitfgħu ħarsitna lejn in-Naxxar, insibu li sa l-1761 kienu saru regolari, dejjem skond il-kontijiet tal-purċissjoni, id-daqq tat-‘tamborlini e fifera’ flimkien mal-‘violinċello e violini’. Jidher li d-daqq tat-tambur u l-fifra fil-bidu tal-purċissjoni kien sar parti integrali ta' bosta manifestazzjonijiet, jekk mhux kollha wkoll, b'eżempji tipiċi jkunu Bormla, l-Isla u n-Naxxar fejn, inqatgħu maż-żmien. Fis-seklu tmintax ukoll, fi żmien l-Ordni ta' San Ġwann, mal-vara tal-Monument fil-Birgu kien ikun hemm, fost oħrajn, żewġ suldati mibgħutin mill-Kaptan Ġenerali tax-Xwieni tal-Kavallieri li kienu jdoqqu fifra u tambur. Wara li telqu l-Kavallieri, fi żmien l-Ingliżi bdew jintbagħtu suldati Maltin fis-servizz Inġliż. Fi tfuliti, sa madwar 50 sena ilu, niftakar li mal-Monument ta' Ħal Qormi kien ikun hemm id-daqq tal-vjolini akkumpanjat bil-kant tal-Miserere mill-abbatini. Tgħid id-daqq tal-mużika mal-Monument kien oriġina fis-seklu tmintax f'postijiet bħall- Birgu u nxtered mal-Kampanja Maltija? Min jaf?


Lejn l-aħħar deċennju tas-seklu tmintax, hu magħruf u dokumentat li fin-Naxxar kien hemm daqqaqa tat-tnabar u l-fifri, bħalma diġa aċċennajna, li kienu jmexxu l-purċissjoni filwaqt li banda żgħira kienet iddoqq aktar lura fil-manifestazzjoni, x'aktarx bejn il-vari tal-Monument u tal-Madonna tad-Duluri. Irridu nagħmluha ċara hawnhekk li, bil-kelma banda, dak iż-żmien kienu jifhmu grupp ta' mużiċisti u mhux xi banda ta' sittin jew sebgħin ruħ - jekk mhux aktar ukoll-li nġibu quddiem għajnejna llum. Allura, nistaqsi jien, għalkemm għadu ma nstab xejn dokumentat rigward il-manifestazzjonijiet l-oħra, possibbli li ma kienx hemm baned ta' dan it-tip idoqqu n-noti kiebja tal-mużika funebri fil-purċissjonijiet l-oħrajn tal-Ġimgħa l-Kbira? Għalkemm nibqgħu dejjem fl-ambitu ta' l-ispekulazzjoni, nemmen li l-ibliet u l-irħula Maltin kienu jikkupjaw, b'mod ġenerali, lil xulxin u d-daqq tal-mużika funebri kien jinstama' fil-purċissjonijiet kollha.

Iżda ma jista' jkollna ebda dubju x'beda jseħħ min-nofs is-seklu dsatax 'il hawn u dan nsostnuh għax kien f'dak iż-żmien li bdew jiġu organizzati l-każini tal-baned kif nafuhom illum. Bla tlaqlieq ngħidu li, f'dawk il-lokalitajiet fejn kien hemm purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira u kien hemm ukoll każin tal-banda, bdiet tindaqq il-mużika funebri, bil-banda normalment tokkupa dak il-post li kien u għadu l-qofol tal-manifestazzjoni, jiġifieri quddiem il-vara ta' Ġesu Msallab jew kif nafuha fil-gżejjer Maltin, il-Vara l-Kbira. Ovvjament, dan ma sarx f'daqqa għax il-Każini tal-baned żdiedu gradwalment, raħal wara l-ieħor.


Ħaż-Żebbuġ għandu tnejn mill-eqdem baned eżistenti f'Malta u allura din hi indikazzjoni qawwija li l-Belt de Rohan kienet minn fost ta’ l-ewwel li kellha każin tal-banda tieħu sehem fil-purċissjoni tal-Ġimgħa L-Kbira.

Iżda mhux kollox kien ward u zahar u jidher li l-awtoritajiet ekklesjastiċi kienu mħassbin bl-atteġġjament tan-nies li kienu jakkumpanjaw il-baned fil-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira. Fil-fatt, fl-1879, l-Isqof Monsinjur Carmelo Scicluna pprojbixxa s-sehem tal-baned f'dawn il-purċissjonijiet għax ġie nnotat li bosta nies kienu qed jingħaqdu mal-baned u jimxu fin-nofs tal-purċissjoni fejn kienu wkoll ipejpu s-sigarri mingħajr ma jqisu jew jimpurtahom li kienu qed jieħdu parti f'manifestazzjoni reliġjuża u mhux ħarġu għal xi divertita. Ir-rapporti fl-istampa lokali kkummentaw ukoll li l-membri tal-Fratellanża tal-Kurċifiss tal-Belt kienu deċiżi li l-purċissjoni tkun akkumpanjata minn banda iżda reġgħu ħasbuha mill-ġdid u obdew id-direttivi ta' l-Isqof. L-ordni episkopali ma kinitx tgħid li ma setgħax ikun hemm xi forma ta' sehem tal-baned iżda li ma jieħdux parti fil-purċissjoni nnifisha. Għaldaqstant, il-baned setgħu jdoqqu weqfin f'post partikolari waqt li l-purċissjoni tkun għaddejja minn ħdejhom. Wara l-Ġimgħa l-Kbira, fil-gazzetti kien hemm kumment li l-parroċċi kollha obdew id-direttiva episkopali u li l-purċissjonijiet kienu aktar serji milli kienu fis-snin ta' qabel.


Ma jidhirx li l-projbizzjoni ta' l-Isqof damet bosta snin. Tlettax-il sena wara, eżattament fl-1892, rapporti fil-gazzetti kitbu dwar marċ funebri popolari li ndaqq fi Triq il-Merkanti, l-Belt, u li l-Banda La Vincitrice ta' l-Isla kienet ser tiddebutta dik is-sena fil-Ġimgħa l-Kbira. Dawn ir-rapporti m'humiex konklussivi u jista' jkun li kienu qed jirreferu għal daqq ta' mużika funebri minn post fiss. Iżda fis-sena 1895 hemm rapport ċar dwar Ħal Qormi fejn inkiteb li l-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira kienet akkumpanjata minn żewġ baned, San Ġorġ Marti u Pinto, b'din ta' l-aħħar iddoqq quddiem il-Vara l-Kbira. Apparentement, fil-Belt il-banda reġgħet bdiet takkumpanja l-purċissjoni fl-1897.

Kien hemm ukoll min kellu xi tradizzjoni mużikali partikolari bħal, ngħidu aħna fil-Birgu. F'din il-Belt, sas-sena 1940, eżatt qabel bdiet it- Tieni Gwerra Dinjija, il-Banda kienet iddoqq il-kantata Stabet Mater ta' Gioacchino Rossini fil-Pjazza tal-Vitorja qabel tasal il-purċissjoni u fi tmiem il-manifestazzjoni, kienet tibqa' dieħla mill-bieb prinċipali għal ġol-knisja u toħroġ mill-bieb tal-ġenb. Din it-tradizzjoni twaqqfet madwar ħamsa u għoxrin sena ilu minħabba l-istorbju li d-daqq kien jikkaġuna fil-knisja.


Ġieli kien hemm xi każijiet fejn il-banda ma kinitx tal-post. Jien niftakar il-Banda 12th May iddoqq fil-purċissjoni tal-Għargħur, li toħroġ f'Ħadd il-Palm, għax il-banda tal-post ma kinitx iffurmata. Fl-1962, il-Banda King's Own tal-Belt akkumpanjat il-purċissjoni tal-Birgu għax kien hemm xi nkwiet mal-Banda San Lawrenz u din ma ħaditx sehem. Fis-snin ħamsin tas-seklu għoxrin, il-Banda San Ġużepp tal-Ħamrun daqqet diversi drabi fil-purċissjoni ta' Ħal Qormi bħala t-tieni banda fil-manifestazzjoni flimkien mal-banda tal-post.


Daqq ieħor li nsibu fil-Ġimgħa l-Kbira jippprovduh l-iScouts. F'xi lokalitajiet, bħar-Rabat u Ħal Qormi, jakkumpanjaw b'żewġ gruppi, wieħed minnhom bid-daqq tradizzjonali tal-fifra u t-tambur lejn il-bidu tal-purċissjoni filwaqt li t-tieni grupp isemma' l-Last Post bil-bugles quddiem il-vara tarRedentur. L-iScouts f'Ħaż-Żebbuġ ukoll jakkumpanjaw b'żewġ gruppi, iżda l-grupp li jiftaħ il-purċissjoni jdoqq bugles flok fiffri. It-tislim tal-bugles quddiem ir-Redentur insibuh tista' tgħid fil-purċissjonijiet kollha għalkemm fiż-Żejtun u l-Isla, biex nagħtu żewġ eżempji, flok Sċouts jieħu sehem grupp ta' suldati Rumani bit-trumbetti.

Illum il-ġurnata, wieħed ma jistax jimmaġina purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira mingħajr mużika funebri takkumpanjaha. F'xi lokalitajiet, bħall-Mosta, n-Naxxar, Ħal Qormi u ż-Żejtun jieħdu sehem iż-żewġ baned tal-post. F'lokalitajiet oħrajn fejn hemm ukoll almenu żewġ baned, bħal Ħaż-Żebbuġ u Ħal Luqa, il-baned jalternaw kull sena. Oħrajn, bħall-Belt, Raħal Ġdid, u r-Rabat Għawdex, takkumpanja l-istess banda kull sena. Diversi baned issibilhom l-istess marċi fir-repertorju tagħhom b'xogħlijiet ta' Angelo Melilli, Ġanni Vella, George Hindren, Nikola Montebello, Anthony Miruzzi u l-mużika ta' Ċhopin u Doniżetti fost oħrajn. Iżda l-kitba tal-marċi funebri hi proċess li għadu u jibqa' sejjer u regolarment nisimgħu kompożizzjonijiet ġodda ta' diversi surmastrijiet jindaqqu mill-baned Maltin u Għawdxin.


Fl-Għid il-Kbir, parti integrali fil-purċissjonijiet ta' l-Għid il-Kbir hi s-sehem tal-baned li, bil-mużika ferriħija tagħhom, jgħinu mhux ftit biex tinħoloq dik l-atmosfera ta' festa li tinħass fil-qalb tan-Nisrani għar-rebħa fuq il-mewt u l-qawmien ta' Ġesu’. Jidher li l-mużika fil-purċissjonijiet ta' Kristu Rxoxt ilha preżenti għal bosta snin, mill-anqas madwar żewġ sekli u nofs. Per eżempju, insibu li fl-1770 fin-Naxxar hemm dokumentat il-ħlas ta' 30 skud ‘per la musiċa di Pasqua Grande’ li x 'aktarx kien jinkludi l-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u ta' l-Irxoxt flimkien. Aktar minn mitejn sena ilu, eżattament fl-1804, insibu li l-purċissjoni ta' l-Irxoxt fil-Birgu kienu jakkumpanjawha żewġ baned, naturalment kif kienu jifhmuhom dak iż-żmien u kif diġa spjegajna li kienu jibqgħu deħlin fil-knisja wkoll.

Iżda, l-istess bħalma ġara fil-Ġimgħa l-Kbira, hu wisq probabbli li l-każini tal-baned li, bħalma diġa għidna, oriġinaw f'nofs is-seklu dsatax, bdew jieħdu parti f'Ħadd il-Għid iżda almenu s'issa, m'hemmx dokumentar dwar dan. Ngħidu biss li l-projbizzjoni ta' l-Isqof Scicluna f1-1879, li semmejna wkoll, kienet għall-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira biss u ma kinitx estiża wkoll għal dawk ta' Kristu Rxoxt. Dan ma jfissirx li kull fejn kien hemm banda u purċissjoni kien hemm ukoll id-daqq fil-manifestazzjoni u ta' dan nagħti eżempju. F'Ħal Qormi, il-Banda Pinto oriġinat fl-1862 iżda l-purċissjoni ta' Kristu Rxoxt baqgħet bla banda sa l-1895 meta bdiet takkumpanja mhux il-Banda Pinto, iżda l-Banda San Ġorġ Martri li kienet għada kemm ġiet iffurmata sena u nofs qabel. Illum is-sitwazzjoni nbidlet fil-gżejjer Maltin kollha, bħalma diġa aċċennajna. Kważi l-purċissjonijiet kollha jkollhom banda waħda iżda dik ta' Ħal Qormi, tal-Parroċċa San Ġorġ, jakkumpanjawha ż-żewġ baned tal-post. F'Ħaż-Żebbuġ jalternaw kull sena l-Baned St. Philip u 12th May.


Il-maġġor parti tal-baned jakkumpanjaw fil-purċissjonijiet ta' l-Għid bid-daqq ta' marċi ferrieħa iżda hemm xi wħud li jdoqqu settijiet ta' valzi ta' l-Għid li huma kompożizzjonijiet li nkitbu appositament għal din il-purċissjoni. X'aktarx li l-ewwel sett li nkiteb, li fiħ seba' valzi, jikkonsisti fil-kompożizzjonijiet tas-surmast Qormi Nikola Montebello għall-Banda San Ġorġ Martri bejn l-1920 u l-1924, sett li għadu jindaqq kull sena. Iż-żewġ każini Qormin l-oħra, Pinto u Aniċi (li ġie ffurmat fl-1988), għandhom ukoll settijiet ta' valzi u ngħidu l-istess għall-Banda Żejtun taż-Żejtun. Il-Banda Niċolo Isouard tal-Mosta fil-purċissjoni ssemma' kemm marċi kif ukoll valzi. Ħaż-Żebbuġ sas-sena l-oħra kellu sehem indirett fit-tixrid tad-daqq tal-valzi ta' l-Għid il-Kbir għax l-għaxar valzi tal-Banda Aniċi ta' Ħal Qormi huma kollha kompożizzjonijiet ta' l-eks surmat tagħhom Frank Galeali hu Żebbuġi.


Mill-2007, is-sehem Żebbuġi sar ikun dirett billi l-Banda 12th May, semmet valzi ta' l-Għid il-Kbir, inkluż valz kompożizzjoni tas-surmast ta' l-istess Banda, għall-ewwel darba fit-toroq ta' Ħaż-Żebbuġ meta akkumpanjat il-purċissjoni ta' Kristu Rxoxt.