Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Oster-Hymne (Easter Hymn) Op. 134 for Eight Voices (Double Choir) Josef Gabriel Rheinberger (1839 –1901)

Fir-Rabat Malta il-Purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt tiġi organizzata mill-Parroċċa ta’ San Pawl. Xi ħjiel ta’ l-istorja tagħha nsibuh fil-kotba tal-kontijiet ta’ l-arċikonfraternita tas-Ssmu Sagrament li kienet tieħu ħsieb torganizzaha. Żgur li hija antika ħafna tant li sa mill-1836 insibu li kienet diġa’ tieħu sehem banda fiha. Għandna x’nifhmu li għal xi żmien il-purċissjoni kienet tkun akkumpanjata minn statwa ta’ Kristu Rxoxt iżda aktar tard din bdiet issir bis-sagrament. Hadd ma jaf eżatt x’ġara mill-istatwa l-antika għalkemm jingħad li din ġiet traskurata sakemm tmermret jew inħarqet.

Rabat Malta (Knisja ta' San Pawl)

Kien fl-1915 li r-Rabtin ħassew il-ħtieġa li jordnaw vara ġdida għand l-istatwarju Wistin Camilleri, vara li swiet ħamsa u għoxrin lira u li minkejja l-eta’ tagħha għadha unika sal-lum għall-fatt li minbarra lil Kristu rebbieħ fuq il-mewt bil-palma f’idejh tinkludi fiha l-figuri ta’ anġlu u żewġ suldati għassiesa.


Il-purċissjoni ssir il-Hadd fil-għodu u ssir f’forma ta’ pagaent b’għadd ta’ persuni bibliċi marbuta ma’ din il-ġrajja qaddisa. Tieħu sehem ukoll il-Banda Konti Ruġġieru bid-daqq ta’ marċi brijużi. Kien hemm id-drawwa sabiħa li llum m’għadiex li t-tfal jgħollu l-figolla tagħhom biex tiġi mbierka minn Kristu Rxoxt. Ta’ min jgħid ukoll li statwa oħra ta’ Kristu Rxoxt tinsab fil-knisja tal-patrijiet Franġiskani Minuri magħrufa bħala Ta’ Ġieżu’ iżda din ma tintużax f’dimostrazzjoni.

Rabat Malta (Ta' Ġieżu)

Din il-Vara ta' Kristu Rxoxt tinsab fil-knisja tal-patrijiet Franġiskani Minuri magħrufa bħala Ta’ Ġieżu’. Għalkemm ma tinħarigx proċessjonalment, hi tiġi armata fuq l-artal maġġur matul il-festi ta' l-Għid. Inħaddmet minn Alfred Camilleri Cauchi lura fl-1992.

Il-kult lejn Kristu Rxoxt f’pajjiżna ħa spinta ‘l quddiem mal-wasla tal-Griegi li akkumpanjaw lill-kavillieri f’pajjizna mal-wasla tagħhom fl-1530. Fil-Belt Valletta, proprju fil-knisja tal-Madonna ta’ Damaxxena mmexxija mill-Griegi twaqqfet fl-1659 l-unika konfraternita’ ta’ Kristu Rxoxt li għandna hawn Malta. Din il-konfraternita’ kienet tieħu ħsieb torganiżża l-purċissjoni tal-iRxoxt li għal ħafna żmien kienet toħroġ filgħodu u fil-għaxija nhar l-Għid il-Kbir u darb’ oħra fl-ottava tal-Għid.

Valletta

It-tagħrif fuq il-vara ta’ Kristu Rxoxt intilef mal-mogħdija taż-żmien għalkemm hemm min jattribwixxi l-figura ta’ Kristu lil Melchiore Gafa’. Maż-żmien ġew miżjuda ż-żewġ suldati, fatt li kellu jħalli influwenza fuq l-iżvilupp ikonografika ta’ vari tar-Reżurazzjoni li saru wara. It-tliet figuri huma skolpiti fl-injam filwaqt li l-pedestal li jirrappreżenta l-qabar magħmul mill-injam u l-kartapesta.


Il-lasta tal-fidda tal-bandiera inħaddmet fl-1841 filwaqt li r-raġġiera hija tal-fidda bbanjata fid-deheb. Din l-istatwa ġiet trasferita għall-knisja tal-Ġiżwiti fl-1921 għaliex il-Papas Giorgio Schiro kien deherlu li skont ir-rit Grieg ma kienx xieraq li vara tal-Irxoxt tinżamm fil-knisja tiegħu. Aktar tard, fl-1934 b’digriet ta’ l-Isqof Mauro Caruana, ġiet ukoll trasferita l-konfraternita’ ta’ Kristu Rxoxt għall-istess knisja. Il-purċissjoni fil-Belt Valletta ssir nhar Ħadd il-Għid filgħaxija u tiġi akkumpanjata mill-Banda La Valette.

Il-Birgu

Bħal fil-każ tal-Belt Valletta, id-devozzjoni antika lejn il-festa tal-qawmien ta’ Kristu inżeret mill-Griegi li kienu waslu Malta mal-kavallieri ta’ San Ġwann u bdew jgħixu f’din il-Belt. Ma damux ma taw bidu għall-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt li baqgħet tiġi organizzata mill-Parroċċa ta’ San Lawrenz hekk kif il-Griegi telqu lejn il-Belt il-ġdida Valletta.


Nafu li l-ewwel statwa tal-Irxoxt fil-Birgu kienet diġa’ teżisti u takkumpanja l-purċissjoni f’Ħadd il-Għid fis-seklu sbatax. Matul is-sena, din kienet tinżamm fil-Knisja tal-Karmnu imma f’Sibt il-Għid kienet tittieħed proċessjonalment lejn il-parroċċa akkumpanjata mill-banda Duke of Edinburgh. Fl-1936 il-Konċilju reġjonali kien iddeċieda li l-purċissjoni tal-Irxoxt issir biss f’Ħadd il-Għid għalhekk dik tas-Sibt twaqqfet.


Għal xi żmien fis-seklu tmintax il-purċissjoni kienet toħroġ ftit wara nofs il-lejl ta’ Sibt il-Għid iżda minħabba xi abbużi li kienu jsiru, fl-1782, l-Isqof Labini kien ordna li din it-tradizzjoni tieqaf u l-purċissjoni bdiet toħroġ fl-erbgħa ta’ filgħodu wara l-Pater Noster. Ta’ min isemmi żewġ drawwiet antiki li kienu jsiru fil-Birgu fil-Għid. Mad-daqq tal-Glorja kien joħroġ wieħed idoqq it-tambur u miegħu kienu jinġabru t-tfal ta’ din il-belt f’dellirju ta’ briju. Drawwa oħra li tgħodd għall-bliet kollha tal-Kottonera kienet li mal-Glorja għadd ta’ żagħżagħ kienu jaqbżu jgħumu fil-baħar kiesaħ.

L-ewwel vara tar-Reżurazzjoni għaddiet għal għand il-lokalita’ ġara ta’ Bormla għax jingħad li bint l-iskultur kienet ingħaqdet mas-sorijiet tal-klawsura hemmhekk.


Il-vara artistika tal-lum hija xogħol skolpit fl-injam tal-imgħallem Salvu Psaila tal-1833. Kristu jidher iżomm il-bandiera ta' l-Ordni ta’ San Ġwann u mhux dik bajda bis-salib aħmar kif normalment naraw.

Il-Purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt fl-Isla hija antika ħafna u għandna għalxiex naħsbu li ilha ssir minn meta bdiet issir dik tal-Ġimgħa l-Kbira iżda l-ewwel evidenza dokumentata tagħha tikkonferma li tmur lura sa mill-inqas l-1714. Il-Fratellanza ta’ l-Immakulata Kunċizzjoni kienet tieħu ħsieb l-organizazzjoni ta’ din il-purċissjoni u kienet ukoll il-proprjetarja tal-vara tal-Irxoxt.


Din il-vara maħduma fuq stil tradizzjonali hija antika ħafna iżda ma nafux eżatt meta saret u min għamilha. Interessanti l-fatt li l-figura ta’ Kristu hija magħmula mill-injam mill-qadd l-isfel u mill-kartapesta mill-qadd ‘l fuq. L-esperti jaħsbu li dan sar biex filwaqt li l-vara tkun b’saħħitħa u tiflaħ għall-istrapazz, fl-istess ħin ma jkollix piż żejjed meta r-reffiegħa jiġru biha. Minħabba xi inċident serju li seta’ nqala, il-purċissjoni fl-Isla twaqqfet għal perjodu ta’ madwar disgħin sena sakemm taħt it-treġija tal-Arċipriet Dun Ġwann Sladden reġgħet ħarġet fl-1969.


Fis-sena 1989 il-vara ġiet irrestawrata u saru xi alterazzjonijiet mir-restawratur John Pace. Ġiet ukoll indurata l-libsa ta’ Kristu filwaqt li l-arġentier Senglean Vanni Bartolo ħadem raġġiera tal-fidda u hawn tajjeb jingħad li sa dak iż-żmien kienet tintuża dik tal-Monument.


Fl-1994 id-ditta Azzopardi Woodworks ta’ Ħaż Żebbuġ ħaddmet bradella ġdida tal-ġewż fuq l-istess disinn tal-bradelli tal-vari tal-Ġimgħa l-Kbira. Il-vara tal-Isla tinġarr minn għaxar reffiegħa.  

L-Isla

Ritratt - Johann Cini

Ritratt - Johann Cini

Bormla

Bħala Parroċċa fil-Kottonera ma jistax jonqos li f’Bormla wkoll id-devozzjoni lejn il-qawmien ta’ Kristu mill-mewt hija qawwija u tmur lura ħafna fiż-żmien. L-istatwa ta’ Reżurezzjoni nġiebet minn Napli fl-1741 u ħallas għaliha il-Kaptan Celestino Sacco. Dan irregalaha lill-fratellanza tas-Salib Imqaddes li tagħha kien ukoll Rettur. Ma nafux min hu l-awtur tagħha għalkemm xi uħud jidrilhom li dan seta kien Spanjol. Il-vara hija skolpita fl-injam fejn Kristu rebbieħ fuq il-mewt jidher maqtugħ mill-art fuq qabar miftuħ. Dan il-qabar ġie ddisinjat mill-ġdid mill-artist Bormliż Abram Gatt fl-1926 u nkesa bil-fidda mid-ditta Ranchi f’Milan. F’id Kristu naraw palma minflok il-bandiera kif naraw f’ħafna vari oħra tal-istess misteru.

Il-Bormliżi minn dejjem ħasbu biex jorganizzaw il-purċissjoni tal-Għid bil-kbir u magħhom jingħaqdu ħafna nies minn parroċċi oħra. Il-Purċissjoni tkun karatteriżżata minn ġiri kontinwu bl-istatwa li jkompli jferraħ lill-miġemgħa. It-tfal kellhom id-drawwa li joħorġu jiġru bil-figolla tagħhom u jitolbu lill-Irxoxt iberikilhom. Skont l-istoriku J Porsella Flores, kienu l-Bormliżi li wara l-gwerra l-kbira reġgħu daħħlu f’pajjiżna t-tradizzjoni tal-ġiri bl-istatwa tal-Irxoxt.

Interessanti l-fatt li f’dan ir-raħal bi tradizzjoni antika ta’ devozzjoni lejn il-Passjoni ta’ Kristu, iċ-ċelebrazzjonijiet tal-qawmien ta’ Kristu huma xi ħaġa pjuttost riċenti. Dan jixhdu l-fatt li qabel l-1984 din il-Parroċċa qatt ma kellha vara tal-Irxoxt. Dan li qed ngħidu ma jgħoddx għaż-Żejtun biss għax fir-realta’ nsibu numru ta’ rħula oħra bħall-Ħaż-Żebbuġ, il-Mosta u l-Għargħur flimkien ma għadd ta’ rħula f’Għawdex fejn il-kult lejn il-qawmien ta’ Kristu ħa spinta ‘l quddiem mhux qabel is-snin sebgħin u tmenin tas-seklu l-ieħor.


Il-vara artistika li għandna llum inħaddmet bil-kartapesta mill-istatwarju ta’ żmienna Alfred Camilleri Cauchi u akkumpanjat il-purċissjoni tal-Għid tal-1984. Kuntrarju għall-vari tradizzjonali, il-figura ta’ Kristu fiha moviment qawwi, karatteristika tal-istatwi kollha ta’ Camilleri Cauchi. Il-qabar huwa wkoll f’forma differenti minn dawk ta’ vari antiki. Il-liżar li jdawwar il-figura ta’ Kristu huwa ndurat b’ornamenti tad-deheb li jkomplu jsebbħu din il-vara.

Iż-Żejtun

Ħaż-Żebbuġ

Il-kult tar-Reżurazzjoni f’Ħaż-Żebbuġ huwa ħaġa riċenti u jidher li għal xi raġuni dan ir-raħal ma ddakarx mill-entużjażmu għal din il-festa li kien ilu jeżiżsti żmien twil fil-Parroċċi tar-Rabat u Ħal Qormi li huma tant viċin. Bħal numru ta’ rħula oħra, il-ħajra li tibda tiġi organiżżata il-purċissjoni tal-Irxoxt nibtet fis-snin sebgħin tas-seklu l-ieħor. Fil-fatt l-ewwel darba li din saret kien fl-1976 metta żżanżnet ukoll vara ġdida tal-kartapesta ta’ Ġlormu Dingli li swiet Lm200. Din saret fuq inizjattiva ta’ l-Arċipriet ta’ dak iż-żmien Monsinjur Lawrence Cachia u ta’ Dun Salvinu Micallef li kien inkarigat mill-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira. Vari oħra ta’ Dingli ta’ dan il-misteru jinsabu fil-Mosta, f’Ħal-Qormi San Bastjan u fil-Għargħur għalkemm ta’ min jinnota li din t’hawnhekk għandha karatteristiċi differenti. Dan narawh kemm fid-dehra mistika ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt kif ukoll fl-istil tal-qabar miftuħ f’forma rettangolari.

Il-Purċissjoni tal-Irxoxt f’dan ir-raħal hija fost l-eqdem f’pajjiżna tant li sa mill-anqas l-1751 diġa’ kellu vara tar-Reżurazzjoni, xogħol Saverio Laferla, il-pijunier tal-kartapesta f’pajjiżna li sa dak iż-żmien kien ukoll ħadem numru ta’ vari tal-Passjoni għall-istess raħal. Fil-kotba tal-kontijiet tal-Parroċċa għall-istess sena insibu li f’April sar xi ħlas għall-ġarr tal-istatwa ta’ l-Irxoxt u lil xi mużiċisti li akkumpanjaw il-purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u ta’ l-Irxoxt. Aktar dokumenti jikkonfermaw li fin-Naxxar, il-purċissjoni baqgħet issir b’mod regolari tul is-snin.

Il-vara li ntuzat fid-dimostrazzjonijiet tal-Irxoxt sal-2014 (ritratt taht) kienet xogħol Xandru Mallia iben Karmnu magħruf bħala l-Lhudi u saret fl-1946 eżatt wara tmiem il-gwerra. Mallia ħadem vara b’erba’ figuri għax minbarra l-figura ta’ Kristu kien hemm anġlu u żewġ suldati. Jidher iżda li s-suldati ma tantx niżlu tajjeb man-Naxxarin tant li tneħħew ftit snin wara. Għalkemm Mallia żamm mat-tradizzjonali speċjalment fil-figura ta’ Kristu ninnutaw xi żviluppi bħalma hu l-anġlu u s-sħab ta’ taħtu li jagħtuna x’nifhmu li Kristu qed diġa’ fit-triqtu lejn is-sema. Il-Vara artistika li ssebbah lill-Knisja Mattrici fiz-zmien tal-Ghid illum hija xoghol skolpit fl-injam minn Alfred u ibnu Aaron Camilleri Cauchi u harrget f'dimostrazzjoni fit-toroq tan-Naxxar ghall-ewwel darba fl-Ghid il-Kbir tal-2015 li ghall-okkazzjoni saret fil-ghaxija.

In-Naxxar

Qormi San Ġorġ

Għalkemm mhux dokumentat meta eżatt bdiet tiġi organiżżata il-Purċissjoni tal-Għid f’din il-Parroċċa Arċimatriċi, għandna għax nifhmu li din ilha ssir sa mill-bidu tas-seklu dsatax. Jekk hu hekk, ifisser li taqta’ barra l-Belt Valletta, il-bliet tal-Kottonera u n-Naxxar, din ta’ Ħal Qormi kienet fost l-ewwel purċissjonijiet tal-Irxoxt li bdew isiru. 

Il-vara tar-Reżurezzjoni hija antika daqs il-purċissjoni imma sfortunatament s’issa m’għandniex ħjiel minn hu l-awtur tagħha. Li nafu hu li oriġinarjament kienet tippreżentalna lil figura ta’ Kristu Rxoxt biss iżda fl-1891 żdiedu magħha ż-żewġ suldati, xogħol tal-kartapesta tal-istatwarju Vincenzo Cremona. Għal din ir-raġuni, fl-istess żmien, kellha titkabbar il-bradella filwaqt li l-qabar sar aktar għoli biex tiġi aċċennata l-figura ta’ Kristu li tinsab fuqu. Dan ix-xogħol sar minn mastru Ġorġ Cachia min Ħal Qormi stess. Din il-vara hija ta’ ċertu piż tant li tintrefa’ minn tnax-il ruħ. Bħal ħafna mill-vari l-antiki, din hija msawwra fuq stil tradizzjonali bi Kristu jżomm il-bandiera tal-Ordni ta’ San Ġwann f’idejh ix-xellugija. Fl-2011 il-vara giet restawrata minn Omar Camilleri.


Sal-Konċilju Vatikan it-tieni, il-Glorja kienet tindaqq Sibt il-Għid fil-għodu u hawn f’Ħal Qormi kien hawn id-drawwa li joħorġu jiġru bl-Irxoxt dak il-ħin. Barra min hekk, fil-passat, il-purċissjoni ta’ Ħadd il-Għid kienet issir kmieni ma sbiħ il-jum. Illum, din toħroġ fid-disgħa ta’ fil-għodu. Fiha jieħdu sehem il-fratellanzi tal-parroċċa bl-istandardi kkuluriti tagħhom u ma jistax jonqos li jagħtu sehemhom ukoll iż-żewġ baned, minn ħafna żmien ilu, il-Banda San Ġorġ Martri u mill-1994 il-Banda Ani

Id-devozzjoni tal-Qriema lejn il-Passjoni, il-mewt u l-qawmien ta’ Kristu għandha għeruq fondi ħafna tant li mat-twaqqif tal-Parroċċa San Sebastjan fl-1936, il-Bastjaniżi intlew entużjażmu biex bħal Parroċċa ġara ta’ San Ġorġ, huma wkoll jorganizzaw il-Purċissjonijiet tal-Ġimgħa l-Kbira u l-Irxoxt. Minħabba ċertu restrizzjonijiet, ma kienx possibli għalihom li jagħmlu tal-ewwel biss il-purċissjoni tal-Irxoxt setgħet u bdiet issir Ħadd il-Għid fil-għaxija.

Qormi San Sebastjan

L-ewwel vara li saret inħaddmet mill-istatwarju Karmnu Galea u baqgħet toħroġ sal-1980 meta Ġlormu Dingli ħadem il-waħda li għadha tintuża sal-lum mill-kartapesta. Il-figura ta’ Kristu f’din il-vara tidher waħidha (f’dik ta’ Galea kien hemm żewġ suldati), nieqsa mill-movimenti u saħansitra lanqas naraw is-solitu bandiera tal-ordni.


Fl-istess ħin, il-ħarsa ta’ Kristu lejn is-sema hija eċċezzjonali u tixhed għall-kobor t’Alla li qajjmu mill-imwiet. Il-qabar miftuħ ġie ddisinjat minn Dingli nnifsu imma nħadem minn Karmnu Falzon u Ġużeppi Cini.


Salvu Buġeja ħadem l-erba’ anġli żgħar ta’ l-injam li hemm fil-kantunieri tal-qabar filwaqt li l-istellarju sar minn Sebastjan Aquilina. L-istatwa ġiet indurata mid-ditta Darmanin tal-Belt Valletta. Minn ftit żmien ‘l hawn, il-purċissjoni ta’ Kristu Rxoxt bdiet toħroġ Ħadd il-Għid filgħodu u tkun akkumpanjata mis-Soċjeta Filarmonika Pinto, Banda San Sebastjan.

Ħal Għargħur

Għalkemm f’dan ir-raħal, il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira għandha storja antika, dik tal-Għid il-Kbir ġiet organizzata għall-ewwel darba fl-1982. Il-vara ta’ Kristu Rxoxt inħaddmet minn Ġlormu Dingli li tista’ tgħid ta’ sehem ewlieni fiż-żieda ta’ dawn il-vari f’Malta fit-tieni nofs tas-seklu għoxrin. Il-figura ta’ Kristu bil-bandiera tal-ordni f’idejh ix-xellugija hija akkumpanjata biss minn anġlu ċkejken bil-palma f’idu. Dan l-anġlu m’huwiex xogħol ta’ Dingli għax qabel kien jagħmel parti mill-vara tad-duluri sakemm inbidel mal-figura ta’ San Ġwann. Il-vara hija fuq stil tradizzjonali u nieqsa minn kull moviment tant li Kristu lanqas biss m’hu maqtugħ mill-art. Minkejja s-sempliċita tagħha, il-vara hija sabiħa xorta waħda.

Il-vara ta’ Kristu Rxoxt għal din il-Parroċċa saret fl-1976 meta ħarġet għall-ewwel darba l-purċissjoni li tiċċelebra l-qawmien ta’ Kristu rebbieħ fuq il-mewt. L-istatwarju li sawwarha huwa Ġlormu Dingli, l-istess wieħed li ħadem il-vara ta’ dan il-misteru ta’ Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi San Bastjan u l-Għargħur. Il-figura ta’ Kristu, għalkemm qiegħda waħidha, għandha moviment qawwi ħafna u dan jidher fil-pożizzjoni tas-saqajn u tal-idejn. Fl-istess ħin nistgħu ngħidu li għalkemm din il-vara hija relattivament ġdida, xorta għandha stil tradizzjonali bil-qabar irħamat u bil-vażetti bil-fjuretti tal- ganutell.

Il-Mosta

Il-Purċissjoni tal-Għid fil-Mosta ssir il-Ħadd filgħaxija u fiha jieħdu sehem ammont ta’ rġiel libsin ta’ suldati Rumani kif ukoll numru sabiħ ta’ subien u bniet libsin kostumi tal-epoka. Il-Banda Nicolo’ Isouard tferraħ il-miġemgħa bil-marċi brijużi. 

L-Irxoxt It-Tieni Parti

0