Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Il-Passjoni fl-Arti

Il-Passjoni ta' Sidna Gesu' Kristu minn dejjem kienet ta' ispirazzjoni ghall-artisti ta' l-imghoddi u xhieda ta' dan hu n-numru kbir ta' xogholijiet li hallew fil-knejjes madwar id-dinja u anke f'kollezzjonijiet privati. Hawnhekk tistghu taraw il-Passjoni ta' Gesu Kristu irrakkontata pass pass minn dawn il-kapolavuri tal-passat.

Il-Passjoni fl-Arti - Minn Joseph Phelan

Addattat għall-Malti minn Marco Saliba


Hekk kif ta’ kull sena joqrob l-Għid il-Kbir, l-insara madwar id-dinja kollha jippreparaw ruħhom biex jiċċelebraw il-qawmien mill-mewt ta’ Sidna Ġesu Kristu. Id-devoti jigu mitluba jirriflettu fuq ir-rilevanza ta’ elfejn sena wirt ta’ Kristu.


Wieħed mill-aktar aspetti mportanti ta' dan il-wirt huwa bla dubju l -influwenza li l-Bibbja kellha fuq l-arti fid-dinja tal-Punent. Għal aktar minn erba’ mitt sena, minn żmien Giotto sa żmien Rembrandt, il-pitturi huma mizgħuda b’immaġni meħuda mill-avvenimenti li nsibu fil-Bibbja, l-aktar fl-evanġelji.

L-ewwel drabi fejn il-Passjoni ta’ Kristu giet ittrattata b’mod komprensiv kienu fl-affreski ta’ Giotto fil-Kappella Scrovegni ta’ Padova kif ukoll fil-kwadru kapulavur ta’ Duccio di Buoninsegna – il-Maesta’- li tinsab fil-Katidral ta’ Padova ( lemin ix-xena tal-krucifissjoni mill-Maesta' ta' Duccio). Iż-żewg artisti juru b’mod ċar il-mumenti sinifikanti tal-ġrajja kif misluta mill-erba’ vanġeli u minn kitbiet oħra marbuta magħhom.


Kienu ftit l-artisti li ġew wara (bl-eċċezzjoni ta’ Durer) li kellhom l-ambizzjoni li jpittru episodji mill-passjoni għall-istess skop ta’ dawn iz-zewġ imgħallmin. Madankollu, il-ħerqa tal-artisti li juru l-ħila artistika tagħhom billi jżidu pittura li tibqa’ msemmija fl-istorja kienet il-fattur ewlieni li xprunathom jikkompetu bejniethom. Minħabba f’hekk, inħolqot ir-rivalita bejn Leonardo u Michelangelo, Dürer u Grünewald, Bosch u Brueghel, Titian u Tintoretto, u Rubens u Rembrandt, kollha jissieltu biex jirbħu l-kummissjonijiet tal-Prinċpijiet u dinjitarji tal-Knisja ħalli jwasslu l-viżjoni tagħhom tal-Kristjaneżmu.


Il-Passjoni kif magħrufa tradizzjonalment (mill-Latin ‘passione’ li tfisser tbatija) hija r-rakkont ta’ l-aħħar grajjiet ta' Kristu bħala bniedem. L-episodji u d-dettalji huma meħuda mill-erba’ rakkonti separati li nsibu fl-evanġelji. Iżda kważi kull rakkont jibda bid-dħul trijonfali ta’ Kristu f’Ġerusalemm ftit jiem qabel l-Għid tal-Lhud, fejn il-poplu jagħtih gieh bħala l-Messija u jagħlaq bil-krucifissjoni ftit jiem wara fost l-insulti u d-disprezz tan-nies. Ġrajjiet li jixhdu kif in-nies u ċ-ċirkostanzi nbiddlu b’ħeffa kbira biex iseħħ il-pjan traġiku imma bżonnjuż li ħejja Alla.

Ġesu’ jagħraf u jaċċetta dak kollu li kellu jgħaddi minnu biex jifdi l-bniedem: tradiment, kalunnja, umiljazzjoni fil-pubbliku, torturi u abbandun totali. Fost il-popli Mediterranji ta’ dak iz-zmien, il-krucifissjoni kienet ikkunsidrata bhala l-aktar tortura tal-mistħija u li tistħoqq biss lill-agħar kriminali. Kristu aċċetta li jgħaddi minn dan kollu, u b’hekk wera li ma setax jagħmel sagrifiċċju personali akbar milli għamel.


Hekk kif il-Kristjaneżmu beda jiddomina fil-Punent, id-dehra tal-krucifissjoni li qabel kienet meqjusa bħala immaġni tal-mistħija saret is-simbolu centrali li jiddistingwi din ir-Religjon il-ġdida. Filwaqt li reliġjonijiet oħra jiċċelebraw l-invulnerabilita u l-qawwa tal-allat tagħhom, il-Knisja Kristjana iffukat fuq il-vulnerabilità u t-tbatija ta' Ġesù, fuq id-djufija tal-ġisem imsawwat u msammar ma għuda minn dawk fil-poter. Kontra x-xejra tar-Reliġjonijiet l-oħra, il-Kristjaneżmu espona l-ġisem flaġellat u bla ħajja ta’ Alla magħmul bniedem fl-aktar postijiet sagri.  

Ma setax jonqos li l-Knisja għamlet użu mill-arti biex twassal xeni mill-passjoni lil dawk il-ħafna li ma setgħux jaqraw. Meta kibret ix-xenqa għar-rappreżentazzjonijiet viżivi mill-Bibbja, il-Knisja għarrfet li kellha f’idejha għodda qawwija biex tilħaq fil-fond tal-emozzjoni tal-membri tagħha.


Ejja issa nagħtu titwila lejn il-mumenti l-aktar sinifikanti tal-Passjoni waqt li nsemmu xi xogħolijiet famużi ta’ pitturi Ewropej:


Kristu jipprepara għall-mewt tiegħu billi jidħol Ġerusalemm riekeb fuq ħmara. Minkejja din l-għażla modesta biex jidħol fil-Belt, in-nies li kienu semgħu bil-mirakli tiegħu jimtlew bl-entużjażmu u jilqgħuh bħala l-Messija. Duccio qed jippreżentalna xena mhux tas-soltu minħabba l-attenzjoni li qed jagħti lill-pajsaġġ bid-dettalji kollha tiegħu (xellug).


Biex juri l-umilta’ tiegħu, Kristu jissorprendi lid-dixxipli tiegħu billi jaħslilhom saqajhom qabel l-ikla. Tintoretto jaqbad il-mument meta Kristu ħasel saqajn San Pietru (taht).  

Il-pittura famuża ta’ Leonardo da Vinci – ‘Iċ-Ċenaklu’ tinsab fil-knisja ta’ Santa Maria delle Grazie f’Milan. Għalkemm din it-tema ġiet ittrattata minn diversi artisti, iċ-Ċenaklu ta’ Da Vinci mpitter bejn l-1494 u l-1498 huwa innovattiv għall-aħħar. Il-pittur irnexxielu jispjega dan l-episodju mill-vanġelu b’rejaliżmu impressjonanti. Kristu li għadu kif ħabbar lill-appostli li wieħed minnhom kien se jittradih, jidher fiċ-ċentru donnu iżolat, filwaqt li l-appostli jidhru fi gruppi ta’ tlieta, kull wieħed qed jagħmel rejazzjoni differenti għall-aħbar li għadu kif sema’.


Wara l-ikla, Kristu erħilha lejn il-ġnien taż-żebbuġ biex jitlob u ħa miegħu lil Pietru, ‘l Ġakbu u ‘l Ġwanni. Din il-pittura (taħt xellug) hija xogħol bikri ta’ Andrea Mantegna (1455) ibbażat fuq il-Vanġelu ta’ San Mattew (26:39).

Mantegna juża l-pajsaġġ kollu blat biex jenfażizza il-biża' u s-solitudni ta’ Kristu. Id-dixxipli reqdin waqt li hu fl-agunija qed jitlob lil missieru. Iħoss it-tmiem tiegħu joqrob u tassew għax fil-bogħod diġa’ jidher Ġuda u grupp suldati qed joqorbu biex jarrestawh. Madankollu, fuq il-lemin, is-sema qed tiċċara, sinjal li se jisbah jum ġdid.


Waħda mix-xogħolijiet l-aktar famużi ta’ Rembrandt hija bla dubju ‘Iċ-Ċaħda ta’ Pietru’, impittra fl-1660 (taħt) . It-tema hija bbażata fuq l-evanġelju ta’ San Luqa fejn naraw lil Pietru li ftit ħin qabel kien wiegħed lill-imgħallem li kien lest jibqa’ miegħu saħansitra sal-mewt, jiċħdu għal darba, tnejn, tlieta hekk kif isib ruħu fil-periklu. Il-figura ta’ Pietru, imkebba fi ħwejjeġ ċari, tingħaraf fid-dawl tax-xema, hekk kif dawk ta’ madwaru jidhru jħarsu lejh b’suspett. Fl-isfond, għaddejja l-interrogazzjoni ta’ Ġesu. Pietru jidher imbeżża, u internament jagħraf il-gravita’ tal-għemil tiegħu. U skond San Luqa, il-Mulej dar u ħares lejn Pietru li ftakar fil-kliem li kien qallu “ Qabel ma jidden is-serduk illum, tiċħadni tliet darbiet”.

Jacopo Pontormo (1494-1557) pitter sensiela ta’ affreski fil-kjostru tal-monasteru ta’ Certosa li jinsab ftit-il barra minn Firenze bejn l-1523 u l-1525. Dawn juru xeni differenti mill-Passjoni ta’ Sidna Ġesu Kristu. B’xorti ħażina, l-elementi tan-natura ħallew il-marka taghhom fuq dawn it-tpinġijiet tant li llum jinsabu f’qagħda xejn tajba kif tistgħu taraw mill-affresk (xellug) li juri lil Kristu quddiem Pilatu. Il-figura ċentrali ta’ Kristu tidher irqieqa, debboli u twila b’kuntrast maż-żagħżugħ robust li jidher fil-bogħod, fil-għoli u fi skala ħafna iżgħar.

 Caravaggio pitter dan il-kwadru (taht lemin) f’Napli għall-ħabta tal-1607. L-atmosfera tant hija densa li wieħed bilkemm jara l-kolonna li magħha Kristu huwa marbut u qed jiġi fflaġellat. Madankollu, id-daqqa tal-pinzell hija tant akkurata li l-aġir kiefer li qed jitwettaq inaghta certu ritmu qawwi. Kristu kważi għarwien jidher qed jitgħawweġ fil-pożizzjoni li jrid il-manigold fuq il-lemin waqt li l-manigold fuq ix-xellug jidher qed iġebbidlu f’xagħru. L-isfel fuq ix-xellug jidher it-tielet manigold baxxut jaqbad il-frosta.


Is-suġġett ta’ din il-pittura (isfel xellug) huwa Kristu mgħobbi bis-salib fi triqtu lejn il-Golgota. L-għolja fejn Kristu se jissallab tispikka fiċ-ċentru tat-tpinġija bis-slaleb diġa’ imwaqqfa fuqha. Eżatt taħtha naraw lil Kristu liebes libsa ħamra nar iċedi taħt it-toqol tas-salib. Fuq il-lemin naraw lill-Veronika bil-maktur li bih messħet wiċċ Kristu f’idha, tidher twarrab minn din ix-xena tal-biża’ viżibilment kommossa. Fuq ix-xellug, iż-żewġ ħallelin li bħal Kristu huma kkundannati għall-kruċifissjoni qed jitmexxew il-quddiem. Eżatt fiċ-ċentru, bejn is-salib ta’ Kristu u l-Golgota, jidhru d-dixxipli ta’ Ġesu flimkien ma’ ommu Marija u Marija Madalena. Dawn il-persunaggi jidhru mdawwla aktar biex simbolikament jispikkaw mill-karattri l-ohra.

Dan il-kwadru (taht xellug) li jinsab fil-Louvre tpitter minn El Greco madwar is-sena 1590. Il-pittur jinqata’ mit-tradizzjoni u jdaħħal fix-xena żewġ personalitajiet ta’ żmienu fil-post tal-Madonna u San Ġwann l-Evanġelista. Wieħed minn dawn li l-identita tiegħu għadha misteru sal-lum x’aktarx ikkummissjonah biex ipinġi din il-pittura devozzjonali għall-kunvent ta’ Toledo. L-influwenza mannerista tal-pittur toħroġ fiċ-ċar mill-figura mgħawwġa ta’ Kristu kruċifissat u mis-sħab imdawwar miegħu. Kristu agonizzant jidher iħares-il fuq lejn missieru, u l-figura tiegħu tinqala’ mill-maltemp ta’ warajh li jissimbolizza d-dalma li waqgħet fuq id-dinja mal-mewt tiegħu. Iż-żewġ persuni ta’ taħt is-salib jidhru jitolbu u jħarsu lejn Kristu. El Greco rnexxielu juri dan l-episodu mill-evanġelji b’mod għal kollox oriġinali billi ffoka fuq il-figura ta’ Kristu u ħalla barra lin-nies u x-xenarju li ssoltu naraw.


Peter Paul Rubens pitter din id-depożizzjoni c. 1611-1614. Ġużeppi t’Arimateja ingħata l-permess biex iniżżel il-ġisem ta’ Kristu minn


fuq is-salib, b’dispensa speċjali għaliex dak iż-żmien kienet ħaġa komuni li l-iġsma tal-imsallba jitħallew imdendla. L-appostlu San Ġwann, Nikodemu u żewġ qaddejja jidhru jagħtu daqqa t’id biex jitniżżel il-ġisem. Saqajn Kristu qed jistrieħu fuq l-ispallejn ta’ Marija Madalena. Il-mara liebsa bil-blu hija Marija, omm Ġesu.


Titian (c.1488-1576) pitter dan il-kwadru (taht) għall-ħabta tal-1520 fuq kummissjoni ta’ Isabella d’Este jew binha Federiku II Gonzaga. Din il-familja tad-Duki ta’ Mantova kienet fost il-patruni ċelebri tal-arti tar-Rinaxximent Taljan. Jidhru n-nies li skond l-evanġelji kienu preżenti għad-difna ta’ Kristu. Ġużeppi d’Arimateja jidher qed ikun mhejun minn San Ġwann li qed iżomm id Kristu u minn Nikodemu li jidher b’dahru lejna. Il-ġisem ta’ Kristu qed jitpoġġa ġo liżar abjad qabel jittiehed fil-qabar. Il-Verġni Mqaddsa tidher ikkomfortata mill-Madalena fid-dulur tagħha.

Il-Beatu Fra Angelico da Fiesole (1387-1455) pitter dan l-affresk (taht) fl-1440 għall-kunvent ta’ San Marco ġo Firenze. Erba’ nisa jidhru jaslu quddiem is-sarkofagu bil-fwejjah biex jidilku l-ġisem ta’ Kristu. L-ewwel waħda, Marija l-Madalena tidher tmiel lejn il-qabar miftuħ u tistagħġeb għax issibu vojt. Anġlu bilqiegħda fix-xifer qed jgħidilhom li Ġesu qam, u fuqnett, hemm il-prova ta’ dan għax Kristu jidher bil-wieqfa bil-palma f’idu tal-lemin u l-bandiera tal-vittorja f’idu l-oħra. Fuq ix-xellug, patri jidher qed jitlob iżda dan m’huwiex wieħed mix-xiehda, imma San Duminku miġbur fit-talb jistedinna nagħmlu bħalu.


Pittura ibbażata fuq l-evanġelju ta’ San Ġwann (20:27) meta Ġesu qal lil Tumas l-appostlu ‘‘Ġib sebgħek hawn u ara idejja, ġib idek u daħħalha f’ġenbi, u tibqax ma temminx, imma emmen.’’(Bibbja ta’ PP Saydon). Caravaggio (1573-1610) pitter dan il-kwadru fl-1602-1603.


Impressjonanti l-azzjoni ta’ Kristu li minn jeddu qed jgħin lil Tumas billi b’id waħda jwarrab l-ilbies biex jikxef il-ferita f’sidru u bl-oħra jiggwida id l-appostlu waqt li jħares lejn is-saba’ mdaħħal fil-ferita. Azzjoni li qanqlet il-kurżita fiż-żewġ appostli l-oħra li jidhru jsegwu mill-qrib. 

L-Axxensjoni jew It-Tlugħ ta’ Kristu fis-sema tpitter minn Garofalo bejn l-1510 u l-1520 u llum jinsab fil- Galleria Nazionale d'Arte Antica f’Ruma. Hija evidenti l-influwenza Raffaeleska specjalment meta tqabbel dan ix-xogħol mat-Trasfigurazzjoni ta’ Raffaello. Hemm ukoll xebħ ma xogħolijiet oħra tal-istess Garofalo tal-era 1519-20 bħar-‘Resurrezzjoni’ tal-1520 u l-‘Massakru tal-Innoċenti’ tal-1519.

Joseph Phelan li għandu Ph.D mill-Universita ta’ Toronto huwa l-editur tal-Artcyclopedia u ppublika diversi artikli marbuta mal-arti tal-pittura fil-The Washington Times, The New Criterion, Artcritical, The Claremont Review u American Decades: Primary Sources fost l-oħrajn. Għallem f’diversi Universitajiet, fil-preżent fl-Universita ta’ Toronto.