Shopping Cart
Your Cart is Empty
Quantity:
Subtotal
Taxes
Shipping
Total
There was an error with PayPalClick here to try again
CelebrateThank you for your business!You should be receiving an order confirmation from Paypal shortly.Exit Shopping Cart

Il-Vari Tal-Ġimgħa L-Kbira F'Malta

L-Arti, it-Tradizzjonijiet u l-Fidi fil-festi tar-Randan Imqaddes

Il-Liżar Ta Kristu f'Turin

Kitba ta' Br. Reno Muscat O.P. 

"Ġużeppi ħa l-ġisem u keffnu f’ liżar nadif" (Mt 27. 59). Kemm-il darba smajnieha din il-frażi mill-evanġelju ta’ San Mattew, l-aktar fil-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa. Nemmen li lkoll xi darba jew oħra smajna bil-liżar li jinsab ġewwa l-belt ta’ Turin li jingħad li huwa l-istess liżar li Ġużeppi minn Arimatea keffen il-ġisem ta’ Kristu mejjet fih. Mhux kulħadd jaqbel ma’ dan. Dan in-nuqqas ta’ qbil mhux xi ħaġa tal-lum imma kien argument ta’ dibattitu u kontroversji matul is-snin. Dawn il-kontroversji kienu jqumu l-aktar minħabba l-fatt li relikwi simili għal dan ta’ Turin kienu jinstabu fost oħrajn f’Besançon, Cadouin, Champiègne u Xabregas. Imma jibqa’ dejjem il-fatt li l-liżar ta’ Turin kien l-aktar wieħed famuż.


Id-dokumentazjoni li titratta dan il-liżar tista’ titqies awtentika biss min-nofs is-seklu XIV ‘l quddiem, Madanakollu it-tiftix storiku, xjentifiku, ikonografiku u arkeologiku jgħina nibnu l-istorja ta’ dan il-liżar kemm jista’ jkun korretta. Fis-sena 544 fil-belt ta’ Edessa, li llum hija Urfa fit-Turkija, kienet tinstab immagini straordinarja “mhux magħmula bl-idejn”. Bosta esperti jqisu li din id-deskrizzjoni tirreferi għall-liżar. Tajjeb ngħidu li f’ dak iż-żmien il-liżar kien mitwi b’ mod li l-wiċċ biss kien jidher. Fis-sena 944 din ix-xbieha kienet meħuda Kostantinopoli, fejn għall-ewwel darba nsibu riferenzi għall-liżar li fih tkeffen Kristu. Fl-1204 il-kavallier Robert de Clari kiteb li fl-assedju ta’ Kostantinopoli sparixxiet mill-belt sakemm fl-1353 dan il-liżar instab ġewwa Lirey, fi Franza, għand Geoffrey de Charny. Sewwa sew mitt sena wara, Margaret de Charney ċediet din ir-relikwa lid-Duka Luwigi I ta’ Savoja, li huwa żamm f’ Chambéry. Fl-1506 il-Papa Ġulju II awtoriżża il-venrazzjoni tal-liżar. Kien l-4 ta’ Diċembru, 1531 meta nar qawwi ħakem il-kappella ta’ Chambéry, propju fejn kien jinsab il-liżar, magħluq f’ kaxxa tal-fidda. In-nar tant kien qawwi li dewweb xi ftit mill-fidda tal-kaxxa, tant li taqtira fidda waqgħet fuq il-liżar, li kien mitwi, u taqbitu, sentejn wara is-sorijiet ta’ l-istess belt raqqgħu it-toqob li din it-taqtira fidda kienet għamlet fil-liżar.

Kien Emanuele Filiberto ta’ Savoja li ħa l-liżar minn Franza għall-Italja, propjament f’ Turin fl-1578. Fl-1694 il-liżar kien imqiegħed fil-kappella tal-palazz irjali iddisinjata mill-abbati Guarino Guarini. Kien fl-1898 li inġibed l-ewwel ritratt tal-liżar minn Secondo Pia u fl-1973, sewwa sew fit-23 ta’ Novembru, deher għall-ewwel darba fuq it-televiżjoni. L-istudji xjentifiċi baqgħu dejjem għaddejjin u fl-1988 ittieħdet parti mil-liżar għal aktar stħarriġ fuqu.


Il-kappella li kien fiha kellha bżonn ta’ restawr u fl-24 ta’ Frar, 1993 il-liżar sab ruħu fuq l-altar maġġur tal-katidral ta’ Turin, ftit qabel dan ir-restawr kien lest, bejn il-11 u t-12 ta’ April, 1997 il-kappella tal-liżar inħakkmet min-nirien qawwija. Il-pumpiera ta’ Turin irnexxielhom isalvaw il-liżar min-nirien u jumejn wara il-kummissjoni responsabbli mill-liżar iddikjarat li l-ebda ħsara ma kienet saritlu.


Minkejja li l-liżar jinstab f’ Turin, il-propjetà tiegħu hija tas-Santa Sede u huwa l-Papa li jiddeċiedi meta din ir-relikwa tkun għall-wiri. F’ għeluq il-mitt sena minn l-ewwel ritratt tiegħu, jiġifieri fl-1998 saret espożizjoni u sentejn wara il-Papa Ġwanni Pawlu II iddeċieda li jerġa jkun espost sabiex ikun parti miċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew il-Kbir. Fl-2002 sar xogħol ta’ restawr fuq il-liżar. L-irqajja li kienu saru mis-sorijiet fl-1534 tneħħew u saret speċi ta’ nforra fuq wara tal-liżar. Bħalissa għaddej xogħol ta’ restawr fil-kappella li ħadet in-nar fl-1997 u għalhekk il-liżar jinstab mal-ġenb, sewwa sew taħt il-post tar-re ta’ Savoja, fil-katidral ta’ Turin. Hija xewqa ta’ bosta li l-liżar jerġa jkun espost ladarba r-restawr ikun lest, imma din il-ħaġa hija biss f’ idejn il-Vatikan.

Il-liżar huwa twil 4.2 metri b’ metru punt tlieta wisa’. In-nisġa tiegħu fiha għamla tax-xewket il-ħuta, nisġa popolari Palestinjana ta’ madwar elfejn sena ilu. Kif għidna aktar qabel kien fl-1898 li dan il-liżar kien iffotografat mill-avukat Secondo Pia, mill-belt qrib Turin, Asti. Fil-proċess ta’ l-iżviluppar ta’ dan ir-ritratt instab li n-negattiva turi sewwa l-persuna li kienet imkeffna fil-liżar. Jiġifieri n-negattiva turi r-ritratt u l-liżar jidher bħala negattiva (ma nafx jekk fhimtux eżatt!!) Fin-negattiva dehret sew il-figura ta’ raġel.


Fil-liżar insibu erba’ traċċi, jew marki jew tbajja differenti : żewġ linji dritti it-tul kollu tal-liżar u 29 toqba magħmulin mit-taqtira fidda li waqgħet fuqu fl-1532. Jinstabu wkoll marki ta’ l-ilma li intuża biex jintefa l-istess nar. Marka oħra hija x-xbieha umana, minn quddiem u minn wara, il-bniedem jidher mimdud għat-tul tal-liżar. Hawn l-effetti huma differenti. Il-moħħ, l-imnieħer, il-ġeddum u s-sider jidhru aktar skuri, filwaqt li partijiet oħra huma aktar ċari. It-tul tal-persuna huwa ta’ madwar 170 ċentimetru. L-aħħar forma ta’ tbajja huma dawk tad-demm, bħal dawk ta’ fuq ir-ras, l-għonq, il-polz, ir-riġlejn u l-kustat. Hawn it-tbajja huma ta’ kulur differenti mill-bqija, huma aktarx ħamranin. Minn studji li saru instab li dawn huma tassew tbajja tad-demm.

L-istudji xjentifiċi li saru fuq dan il-liżar dawn l-aħħar mitt sena taw dawn ir-riżultati:

Il-liżar m'huwiex impitter. Ma jistax ikun li dan sar minn xi persuna għax l-effett tan-negattiva tar-ritratt kien diġa' jinstab fuqu mijiet ta’ snin qabel kienet ivvintata l-fotografija. It-tbajja saru minn ġisem uman mejjet, imma l-ebda traċċa ta’ dekomposizjoni ma tinstab, dan iffisser li l-ġisem mejjet ma damx wisq imkeffen, lanqas biss iż-żmien li l-ġisem jibda jiddekomponi. It-toqob ta’ l-imsiemer f’ idejn ma jinstabux fil-pala ta’ l-id imma fil-polz. Kuntrarjament għal dak li naraw fl-arti, it-tislib kien isir billi jissammru imsiemer fil-polz għax il-pala ta’ l-id ma tiflaħx il-piż tal-ġisem. Kieku dan il-liżar kien xogħol ta’ pittur, żgur li t-toqob ta’ l-imsiemer kienu jsiru fil-pala ta’ l-id kif dejjem saru fl-arti. L-idejn juru biss erbat iswaba. Dan għaliex meta l-musmar jgħaddi mil-polz, is-subgħa l-kbir jingħalaq. Id-demm u l-ilma (serum) li jinstabu fil-parti tal-kustat huma tassew magħmulin minn ferita wara l-mewt ta’ l-imsallab. Dan jaqbel perfettament ma’ dak li nsibu fl-evanġelju skont San Ġwann li suldat nifidlu ġenbu b’ lanza. L-eżamijiet li saru fuq il-liżar jindikaw li fuqu hemm traċċi ta’ demm uman. Analiżi moderna sabet li r-ritratti tal-liżar fihom infushom huma tri-dimensjonali, haġa li ma tinstabx f’pittura jew ritratti oħrajn. Id-dettall tri-dimensjonali jgħina naraw detallji li ma narawhomx jekk mhux b’dan il-mod. Eżamijiet oħra sabu trab ta’ ħxejjex u fjuri (pollen) li jikbru jew kienu jikbru fil-Palestina jew fil-lvant nofsani żmien twil ilu.

Minkejja dan kollu hemm oħrajn li jsostnu li dan il-liżar huwa impitter u huwa xogħol tas-seklu XV. Il carbon dating ma tantx jista’ jagħti dawl ċar minħabba li fin-nar tal-1532 kien twaddab bosta ilma sabiex jintefa u l-fatt li l-liżar kien ixxarrab sew jista’ jtellef lix-xjenzati. Il-bdil fil-kulur ukoll joħloq problema. Jekk kittieba tas-seklu XV isostnu li x-xbieha kienet hekk ħajja li d-demm kien jidher kważi frisk, kif allura fi ħmistax-il seklu r-relikwa baqgħet kważi dejjem l-istess, minkejja l-vjaġġi li għamlet u l-bidla fil-klima u f’ dawn l-aħħar ħames mitt sena x-xbieha saret kważi inviżibbli?


Il-mistoqsija mhux faċli li tiġi mwieġba! Il-liżar ta’ Kristu f’ Turin huwa awtentiku? Żgur li mhux ha nkun jiena li nagħti din it-twegiba, imma il-ħsieb personali tiegħi huwa dan: Kemm-il darba dan il-liżar huwa l-istess wieħed li fih kien imkeffen Ġesu, huwa ħaġa għażiża u qaddisa għal kull nisrani. Mill-banda l-oħra jekk dan huwa xogħol ta’ xi artist, li jekk inhu hekk kellu jkun tassew artist tajjeb, żġur ma sarx b’ qerq imma sar biex iressaq lill-poplu lejn id-devozzjoni tal-kefen ta’ Kristu.

Ir-Ritratti tal-Lizar bl-effett tan-Negattiva